Fil-Budget ippreżentat mill-Ministru Clyde Caruana, is-settur tas-saħħa ngħata l-ġenb; mingħajr ebda referenza għall-Isptar Ġenerali l-ġdid f’Għawdex, l-isptar ġdid fejn illum hemm St Luke’s, ir-refurbishment totali tal-Isptar Karen Grech, l-isptar ġdid għas-saħħa mentali, in-northern hub, il-master plan għaz-zona tal-Isptar San Luqa, l-isptar ġdid għar-riabilitazzjoni, il-bini ġdid tal-bank tad-demm, il-bini tal-outpatients il-ġdid u l-medical school.
Kienet biss dikjarazzjoni waħda li saret b’rabta mal-Isptar Mater Dei; li fix-xhur li ġejjin se jinħareġ tender għat-tkabbir tad-Dipartiment tal-Emerġenza u l-Ħolqien ta’ Ċentru Psikjatriku Akut – wegħdiet li ilhom isiru mill-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela għal diversi xhur bla ebda data konkreta ta’ meta se jkun qed isir dan.
B’rabta mas-saħħa mentali, il-Ministru Caruana ħabbar biss programm wieħed li jikkonsisti f’iffinanzjar ta’ programmi tal-ewwel għajnuna b’rabta mas-saħħa mentali fil-post tax-xogħol u l-komunità u proġett pilota li jistgħu jagħmlu sehem minnu l-kunsilli lokali.
Intant, Clyde Caruana ħabbar li se jkun qiegħed – skont kliemu – jintroduċi Infermier Navigatur – introduzzjoni li mhi introduzzjoni xejn għaliex din l-istess miżura kellha tiġi estiża mal-implimentazzjoni tal-budget imħabbar is-sena l-oħra.
Fl-istess waqt, il-Minstru Caruana għażel li jinjora totalment is-serqa ta’ €400 miljun li saret mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi mid-deal frawdolenti bejn il-Gvern Laburista u Steward – bil-Gvern għadu ma gabx lura mqar ċenteżmu wieħed.
//= $special ?>