Lokali

BUDGET TRAFFIKU: Ebda soluzzjoni – l-unika trasport tal-massa huwa bil-baħar

Il-Gvern tal-Labour m’għandu ebda soluzzjoni tanġibbli għat-traffiku f’Malta.

Wara li fid-diskors tal-Budget tas-sena li għaddiet il-Ministru Clyde Caruana kien qalilna li għamel konsultazzjoni biex jaslu għal miżuri li jnaqqsu t-traffiku fir-rush hour… u li kellhom jiffinalizzaw pjan – sena wara, din il-konsultazzjoni u dan il-pjan bħal donnu għeb għal kollox. Dan bħalma sparixxa wkoll il-proġett qawwi tat-trasport tal-massa tal-metro, li sewa lil pajjiżna tal-inqas €400,000.

Minflok, l-unika trasport tal-massa li qed jiffoka fuqu l-Gvern ta’ Robert Abela huwa bil-baħar permezz tal-fast ferry.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana saħaq li biex itejjeb l-effiċjenza u mobbiltà aktar moderna, se jara li jiżdiedu r-rotot… apparti l-laneċ li joperaw bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera, u l-Belt Kapitali u Tas-Sliema.

Ġie spjegat li għaddej xogħol preparatorju għal proġett ta’ parkeġġ taħt l-art qrib iz-zoni tal-ferries. Dan filwaqt li wiegħed li se jkunu qed jitlestew kompletament it-toroq Tal-Barrani, f’Ħal Qormi kif ukoll f’Ħal Kirkop – filwaqt li se jkun qed jiffoka fuq l-infrastruttura tat-toroq f’Għawdex.

Filwaqt li beda d-diskors tiegħu billi qal li fl-Istati Uniti u ċ-Ċina hemm taxis jaħdmu mingħajr sewwieqa, iżda bl-Intelliġenza Artifiċjali, il-Gvern saħaq li biex ikollna immaniġġjar aħjar tat-traffiku f’pajjiżna, se jkun qed jinvesti fit-tekonoloġija magħrufa bħala Intelligent Traffic Management System li tikkontribwixxi sabiex ikun hemm inqas konġestjoni… permezz tal-AI.

Clyde Caruana ħabbar ukoll li l-Gvern se jkun qed jippubblika strateġija nazzjonali li tiffoka fuq iċ-ċikliżmu – u għal darb’oħra ġie mwiegħed li se jinħolqu passaġġi għar-roti u passaġġi pedonali fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Dan filwaqt li mis-sena d-dieħla l-iskema għax-xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku ser tiġi estiża u kull min jixtri vettura ġdida, inkluż muturi, li jaħdmu bl-elettriku ser ikun intitolat għal għotja li tvarja bejn massimu ta’ €2,000 għal muturi, sa massimu ta’ €8,000 għal karozzi u vannijiet żgħar, b’xi kundizzjonijiet ġodda li se jkunu japplikaw.

Ser tingħata wkoll l-għotja għall-iskrappjar ta’ vetturi antiki, €1,000 għal karozzi u vannijiet.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Clyde Caruana sostna li l-kriżi qawwija ta’ traffiku f’pajjiżna nħoloq mis-settur privat u l-ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi terzi hekk kif saħaq li dawn waslu għall-isfidi fit-traffiku u l-infrastruttura. Infrastruttura mhux biss ta’ toroq iżda wkoll piż fuq id-dawl, l-ilma u drenaġġ. Caruana saħaq li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem biex tissodisfa d-domanda bi provvista tal-ilma ta’ kwalità għolja u għaddejjin bl-upgrade fin-network tad-drenaġġ.