Fil-Budget ma kien hemm l-ebda kapitlu ddedikat għall-gżira Għawdxija. Budget li tkellem biss fuq proġetti li għaddejjin bħalissa… b’uħud minnhom li ilhom imwegħdin għal snin sħaħ. Budget li fl-ebda mument ma semma’ vapur ġdid għal Għawdex jew sptar ġdid.
Dan minkejja appelli kontinwi fuq il-problemi ta’ konnettività u rigward l-istandards tal-vapur Nikolaos – b’eluf kbar ta’ ewro kuljum sabiex jinkera dan il-vapur ‘second-hand’.
B’hekk issa konfermata li l-Gvern, għal darb’oħra injora din is-sejħa; u l-Għawdxin se jibqgħu mingħajr vapur ġdid.
Rigward l-edukazzjoni Għawdxija, il-Gvern ma semma’ l-ebda investimenti ġodda għajr proġetti li diġà saru jew qegħdin isiru.
Fis-settur tas-saħħa, kollox jindika li l-isptar il-ġdid għal Għawdex, l-istess sptar li kellu jsir wara li l-Gvern iffirma d-deal frawdolenti tal-Isptarijiet, ser jibqa’ biss fuq il-karta.
Dan minkejja pressjoni kontinwa li saret u għadha ssir mill-poplu Għawdxi, korpi kostitwiti u fuq kollox mill-Partit Nazzjonalista.
Intant, il-Budget ma semma’ xejn lanqas dwar il-proġett tal-konnettività permanenti, jew pont bejn Għawdex u Malta.
//= $special ?>