It-tim ta’ LifeCycle Malta jinsabu l-Botswana għall-bidu tal-LifeCycle Challenge 2024, sfida bir-roti ta’ 2,000 kilometru minn Gaborone sa Cape of Good Hope, u li se tibda uffiċjalment llum, it-28 ta’ Ottubru. L-Isfida hija mistennija li ddum 10 ijiem.
Atmosfera ta’ pożittività u eċċitament kienet tinħass fost il-grupp fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif għamlu ċ-check-in għat-titjira tagħhom u sellmu lill-familjari u l-ħbieb li ġew jarawhom. Iċ-ċiklisti u l-bqija tat-tim ħallew Malta b’sens ta’ determinazzjoni, antiċipazzjoni u ottimiżmu, li kull sena jikkaraterizzaw il-bidu ta’ din l-isfida li tittestja l-limiti tagħhom iżda wkoll tagħmel impatt sinifikanti fuq ir-riċerka tal-mard tal-kliewi u l-appoġġ lill-pazjenti.
Alan Curry, il-fundatur u Chairman ta’ LifeCycle Malta, qasam il-ħsibijiet tiegħu f’dan il-mument sinifikanti u stqarr: “Aħna nġorru magħna mhux biss ir-roti tagħna llum; inġorru tama u determinazzjoni li ntaffu t-tbatija tal-pazjenti b’mard tal-kliewi.”
It-tim tħarreġ b’mod intensiv għal dawn l-aħħar 17-il ġimgħa u ċ-ċiklisti qed jistennew bil-ħerqa biex jaffaċċjaw il-kundizzjonijiet li l-pajsaġġi tal-Botswana u l-Afrika t’Isfel għandhom x’joffru. Dan mhux biss se jkun test ta’ reżistenza fiżika iżda jibqa’ impenn profond biex titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi, u biex jinġabru fondi għar-riċerka u b’risq min ibati minn dan il-mard.
L-appoġġ għal-LifeCycle 2024 huwa b’saħħtu, b’Nescafé jirritorna bħala l-isponsor ewlieni, flimkien ma’ Hili Ventures, Smart Technologies Limited, Laferla, JPA, GasanMamo Insurance, APS Bank, Agora Estates plc, Valletta Waterfront and Crane Currency.
Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz tar-Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal mil-link: https://buff.ly/35g17CC jew billi wieħed jibgħat SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65. Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.
Donazzjonijiet permezz ta’ trasferiment bankarju jistgħu jsiru permezz tal-kodiċi Swift VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017. L-isem tal-bank huwa Bank of Valletta, u n-numru tal-kont huwa 14814521017.
Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – VO/0529
Għal aktar informazzjoni żur https://lifecyclefoundation.com jew https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge
//= $special ?>