Internazzjonali

Iċ-Ċina: Kampanja mill-Pulizija kontra l-attivitajiet ta’ Halloween f’Shangai

Kollox jindika li l-awtoritajiet komunisti fiċ-Ċina qegħdin imexxu kampanja determinata biex irażżnu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Halloween fil-belt ta’ Shangai – wieħed mill-hubs finanzjarji kbar ta’ dan il-pajjiż. Dan meta huma jridu jevitaw li n-nies jiltaqgħu bħala miġemgħa fil-postijiet pubbliċi u meta l-osservaturi barranin huma konvinti li l-azzjoni qed issir anki kontra ‘d-dritt għall-espressjoni ħielsa’.

Fl-aħħar sigħat, daħlu diversi rapporti li l-Pulizija kienu qed iferrxu u jintimidaw lill-folol ta’ persuni lebsin il-kostumi tal-Halloween u waqt li dehru wkoll ir-ritratti ta’ nies ‘arrestati’ fuq il-midja soċjali. Intant, l-awtoritajiet komunisti ma kkummentawx u fl-ebda ħin (sal-bieraħ) ma ħareġ avviż uffiċjali li jipprojbixxi ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Halloween fiċ-Ċina.

Sena ilu, l-awtoritajiet Ċiniżi spiċċaw urtati għan-nies, f’Shangai, li waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Halloween libsu l-kostumi intiżi biex jirridikolaw lill-Gvern ta’ Beijing u l-politika tiegħu. Intant, jidher li n-nies, din is-sena, mhumiex qed jibbażaw fuq it-temiet kontroversjali – u fejn l-aktar li spikkaw f’Shangai huma l-kostumi ta’ Batman u oħrajn relatati mal-film Deadpool.

Madankollu, l-aħħar filmati xorta wrew lil diversi nies, f’Shangai, waqt li qed ikunu eskortati lejn il-vetturi tal-pulizija – b’oħrajn jibagħtu l-messaġġi li huma ttieħdu fl-għasses tal-pulizija fejn kienu mġegħlin ineħħu l-irtokk minn ma’ wiċċhom.

Fl-istess ħin, ma kienx ċar x’tip ta’ kostumi kienu qed idejqu lill-awtoritjiet peress li persuni oħrajn li kienu lebsin bħall-karattri u personalitajiet favoriti tagħhom tħallew bi kwiethom mill-Pulizija.