Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex irreaġixxiet għall-Budget li ppreżenta l-Gvern u appellat għal viżjoni fit-tul dwar il-konnettività bejn Malta u Għawdex, u tinnota li:
- Huwa importanti li dan il-budget qed jirrikonoxxi kemm il-valur ekonomiku, kif ukoll l-impatt soċjali u ambjentali li l-ekonomija għandha. U għalhekk il-Kamra taqbel li għandha tiġi stabbilita politika ta’ migrazzjoni li tibbaża ruħha fuq il-ħiliet. F’dan il-kuntest f’Għawdex għandha tiġi implimentata politika ta’ migrazzjoni li tibbaża ruħha wkoll fuq ħiliet speċifiċi biex f’Għawdex jiġu stabbiliti niċeċ ta’ valur miżjud għoli. Il-Kamra temmen li dan jista’ jkun pass importanti ieħor biex tiġi megħjuna l-ekonomija Għawdxija. U għalhekk il-Kamra temmen li hekk kif imħabbar fil-baġit, għandha ssir konsultazzjoni fejn tidħol il-politika tal-migrazzjoni. Il-Kamra għandha tiġi kkonsultata biex filwaqt li wieħed jagħti każ tal-bżonnijiet speċifiċi ta’ Għawdex, inħarsu fil-futur b’azzjonijiet konkreti biex noħolqu niċeċ ta’ valur miżjud għoli fil-gżira. F’dan il-kuntest, Għawdex għandu jkollu parti importanti fil-Viżjoni 2050 biex jibda jikkontribwixxi f’niċeċ partikolari ta’ valur miżjud għoli.
- Filwaqt li fil-budget jissemmew il-proġetti tad-Dar tal-Anzjani f’Għawdex, l-iskola l-ġdida fir-Rabat, u ċ-Ċentru Akwatiku l-ġdid, li lkoll huma proġetti tajbin, ma jissemmiex l-isptar il-ġdid. Il-Kamra tittama li, hekk kif imħabbar, jinbeda x-xogħol fuq dan il-proġett li hu tant bżonjuż għal Għawdex fuq kull livell.
- Waħda mill-proposti magħmula mill-Kamra tan-Negozju għal Għawdex kienet titratta li f’Għawdex jiġi stabbilit startup Incubator fil-Gozo Innovation Hub. Filwaqt li jissemmew numru ta’ investimenti f’Malta, inkluż fil-qasam diġitali, ma jissemmewx investimenti f’dan il-qasam f’Għawdex. Il-Kamra temmen li l-Gozo Innovation Hub għandu potenzjal qawwi li mhux qed jiġi użat.
- Il-Kamra tinnota wkoll b’mod pożittiv li l-Gvern hu kommess għall-konnettività ta’ Għawdex. Dan l-impenn deher fiċ-ċar fl-iskeda kontinwa fis-servizz tal-fast ferry u fl-investiment imħabbar fir-rural airfield. Madanakollu, il-Kamra temmen li biex dan l-impenn iseħħ għandu jkun hemm ħarsa fit-tul fejn tidħol il-konnettività fil-qasam marittimu, filwaqt li jkun hemm pjanijiet alternattivi fil-każ ta’ inċidenti jew perikli.