Il-Qorti kriminali neħħiet ordni ta’ ffriżar fuq l-assi ta’ Yorgen Fenech. L-iffriżar kien iddaħħal fis-seħħ wara l-arrest tiegħu fl-2019 hekk kif tressaq il-Qorti għal allegat kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-Imħallef Edwina Grima, li quddiemha għandu jinstema’ l-ġuri ta’ Fenech li probabbli jsir is-sena d-dieħla, ordnat it-tħassir tal-ordni tal-iffriżar aktar kmieni dan ix-xahar. Taħt reġim legali introdott reċentement, l-avukat ġenerali jrid jikkwantifika l-ammont ta’ assi li għandhom jiġu ffriżati, skont ir-reat li s-suspettat ikun akkużat bih.
Dan ma jidhirx li sar sal-iskadenza meħtieġa, u dan wassal biex l-imħallef tikkanċella l-ordni ġenerali ta’ ffriżar li Fenech ilu suġġett għalih minn Novembru 2019. Fenech ilu miżmum f’kustodja preventiva għal dawn l-aħħar ħames snin. Apparti l-każ tal-qtil, Fenech qed jiffaċċja akkużi fuq “xogħol fantażma” allegatament mogħti lill-middleman Melvin Theuma li kien ingħata l-proklama wara li ammetta li kellu x’jaqsam mal-omiċidju tal-ġurnalista.
Fenech qed jiġi akkużat ukoll b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus li kienu jinvolvu kumpanija tal-logħob li huwa parzjalment proprjetarju. F’każ ieħor, huwa jinsab akkużat li ordna splussivi, pistoli u velenu fuq id-dark web. Il-provi ta’ dan l-aħħar każ qegħdin isiru bil-magħluq.
Yorgen Fenech qed iwieġeb mhux ħati għal dak kollu li qed jiġi akkużat bih. In-negozjant huwa wkoll suspettat f’inkjesta maġisterjali dwar korruzzjoni potenzjali li tinvolvi lill-eks chief of staff f’Kastilja, Keith Schembri u l-Eks Ministru Konrad Mizzi.
Għal Fenech qed jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri.
//= $special ?>