Lokali

Il-Qorti tordna lill-PBS jieqaf ixandar spots politiċi relatati mal-Budget

Ftit tal-minuti ilu, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Miriam Hayman, laqgħet proviżorjament Mandat ta’ Inibizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, u ordnat lill-PBS biex jieqaf ixandar spots politiċi li huma illegali skont il-Kostituzzjoni.

Ordnat ukoll lill-Awtorità tax-Xandir biex tassigura li l-istazzjon pubbliku ma jxandarx spots li fil-fehma tal-istess Awtorità huma ta’ natura politika partiġjana u dan skont l-obbligi li għandu skont il-liġi.

Dan kollu wara li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-mandat kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir fejn illum il-Ministru tal-Finanzi se jkun qed jippreżenta l-budget għas-sena 2025 u li bħal drabi oħra jkun qed jagħmel sensiela ta’ spots fuq il-mezzi tax-xandir, partikolarment fuq l-istazzjon nazzjonali TVM, li għandha l-liċenzja tax-xandir. Is-smigħ ta’ dan il-mandat se jsir nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Novembru fis-2pm.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino ressaq Mandat ta’ Inibizzjoni f’isem il-PN biex il-PBS jieqaf ixandar spots li huma politiċi, u li huma projbiti skont il-liġi. Il-Mandat ta’ Inibizzjoni kien iffirmat mill-Avukat Dr Paul Borg Olivier bħala Avukat tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Awtorità tax-xandir biex tkun viġilanti, kif inhi fid-dover li tagħmel, u minn jeddha tieħu kull azzjoni kif ordnata mill-Qorti biex ma tippermettix spots partiġjani fuq l-istazzjon tax-xandir pubbliku.

Il-PN qed jgħid fil-mandat li l-Ħadd filgħaxija, 27 ta’ Ottubru, jum qabel il-budget, bejn it-7.45pm u l-10.30pm qabel u wara l-aħbarijiet, kif ukoll waqt il-programm wara l-aħbarijiet li segwa fuq TVM, waqt żewġ programmi bl-ikbar udjenza, il-PBS xandar aktar minn erba’ spots, ta’ natura politika, b’messaġġi politiċi, partiġjani u propagandistiċi, u mhux informattivi.

Dan kollu mħejji mill-Gvern, f’reklami ta’ aktar minn żewġ minuti, total fil-fatt ta’ 10 minuti, inkluż messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela, liema spots qed jidhru wkoll fil-paġna tal-Prim Ministru, fost kontenut politiku partiġjan ieħor.

Il-PN qal fil-mandat li skont il-liġi l-PBS għandu l-obbligu li jħares il-bilanċ u dan japplika wkoll bħala detentur tal-liċenzja mogħtija lilu. Skont il-ġurisprudenza l-PBS, għandha l-obbligi – “li tiżgura li, sa fejn ikun possibbli, f’dawk is-servizzi ta’ xandir ta’ smigħ u televiżjoni li jistgħu jkunu provduti f’Malta, tiġi miżmuma imparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew li jirriferixxu għal policy pubblika korrenti u li l-faċilitajiet u l-ħin ta’ xandir huma mqassma b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti.

Il-mandat jgħid li dan mhux l-ewwel darba fejn il-PBS u l-Awtorità tax-Xandir mhux biss li kisru d-dispożizzjoni, fil-konfront tal-PN, iżda nstabu wkoll ħatja li kisru d-drittijiet fondamentali tal-libertà tal-espressjoni u diskriminazzjoni.

L-iktar kawża riċenti hija dik deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali, fis-27 ta’ Frar tal-2023 kontra l-istess PBS u l-Awtorita tax-Xandir fejn kien hemm ukoll nuqqasijiet minn naħa tagħhom dwar spots maħruġa mal-budget tal-2022.

Minħabba d-dewmien ikkawżat lill-PN fuq dawn li spots, il-Qorti Kostituzzjonali kienet qalet “li l-PBS baqgħu ma tgħallmu xejn.’’ Minkejja d-diversi lmenti li ressaq mal-Awtorita u l-PBS dwar dak li seħħ il-Ħadd, baqa’ ma sar xejn u l-PN ġie injorat.

Fi Frar 2023, il-Public Broadcasting Services kif ukoll l-Awtorità tax-Xandir kienu diġà nstabu ħatja ta’ ksur tal-Kostituzzjoni u tad-drittijiet fundamentali tal-PN dwar l-ispots tal-budget tas-sena 2022.