Sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li l-ħabs kollu kien jaf bil-qtil tal-priġunier Jesmond Gatt; iżda huma qed jgħidu li kollox inżamm mistur apposta.
Fl-aħħar jiem, aktar minn priġunier wieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tkellmu magħna, bl-identità se tinżamm moħbija fuq deċiżjoni ta’ Net News għall-protezzjoni tagħhom.
“Aħna l-priġuniera konna ilna nafu bil-qtil mit-tieni ġurnata li seħħ ir-reat li l-vittma kien inqatel minn Serbjan,” qal il-priġunier.
Dan il-priġunier qalilna li l-vittma ma kienx priġunier b’sentenza maqtuha mill-Qorti, iżda kien taħt arrest sakemm jinstema’ l-każ tiegħu. Fil-fatt, Gatt kien qed jistenna li jingħata l-bail.
“Kulħadd kien jafu, kien bniedem jgħin lil kulħadd, bniedem kwiet ħafna,” qal il-priġunier. “Dan kien arrestat, suppost innoċenti sakemm il-Qorti tikkundannah. Iżda spiċċa maqtul minn Serbjan li kulħadd jafu kemm hu aggressiv.”
Għal xi raġuni ttieħdet id-deċiżjoni li dan jinżamm ma’ persuna li kull min jafha, jaf li kien aggressiv u perikoluż ferm – b’referenza għal Vuk Milic, li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Gatt.
“Jibda jibki u jsabbat rasu mal-ħajt,” qal il-priġunier. “U jibda jati bil-ponn lilu nnifsu. Kien hemm bżonn ammont kbir ta’ SRTs u uffiċjali biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Saħansitra jużaw electric gun jew gass tad-dmugħ biex ikunu jistgħu jikkontrollawh.”
Bis-Serb li allegatament wasal biex saħansitra sawwat lil ommu u lil nantu bla kontroll.
“Ġieli anke sawwat l-ommu u lil nantu,” qal il-priġunier.
Dan il-priġunier qalilna li dan il-każ ma kienx wieħed uniku, iżda inċidenti simili seħħew fl-aħħar xhur; u fortunatament ma kenux fatali.
“Din il-vittma nqatlet minn Serbjan li skont kif kien jidher il-ħabs konna narawh bħala persuna aggressiva, jidher li jbati minn mard mentali,” qal il-priġunier. “Kien aggressiv ħafna. Ġraw ħafna inċidenti ma’ persuni li kienu jaqsmu ċella miegħu, bħal ġlied u argumenti. Kienu jintervjenu l-SRT.”
Kien hawnhekk fejn qamet il-mistoqsija kif l-awtoritajiet tal-ħabs ma jqassmux il-priġunieri skont is-sentenza ta’ ħabs mgħotija mill-Qorti.
“Jidher li bniedem aggressiv,” qal il-priġunier.” Ma nistax nifhem kif il-professjonisti ma ntebħux b’dawn l-affarijiet. Ma kellux ikun ma’ persuna oħra. Saru ħafna appelli mill-priġuniera biex jitħallew fid-divisions skont il-kategoriji tagħhom. Pereżempju min ikollu sena ħabs ma’ sena ħabs jew sentejn, mhux xi ħadd għomru l-ħabs ma’ xi ħadd arrestat.”
Uħud mill-priġunieri qed jitolbu biex issir inkjesta pubblika ħalli tintrefa’ responsabbiltà u jsir magħruf x’wassal biex is-Serb tħalla ma’ priġunieri oħra f’Monte Carmeli…. meta kien fatt magħruf li huwa perikoluż.
//= $special ?>