Internazzjonali

Ir-Russja: Il-preżenza tal-militar Korean komunista tfisser eskalazzjoni tal-gwerra mal-Ukrajna

L-Alleanza tan-NATO qalet, għall-ewwel darba, li t-truppi tal-Korea ta’ Fuq li ntbagħtu fl-artijiet tar-Russja qegħdin jgħinu lill-militar Russu fl-artijiet ta’ Kursk – reġjun viċin il-fruntiera mal-Ukrajna u fejn hemm ukoll preżenza tat-truppi Ukreni wara l-aħħar inkursjonijiet (fir-Russja) mill-militar ta’ Kiev.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Alleanza, Mark Rutte, seta’ jikkonferma l-istazzjonar tal-militar Korean komunista fir-Russja skont il-ħafna rapporti sigrieti li għandu f’idejh u wara li hu kellu laqgħat mal-uffiċjali tas-sigurtà u s-difiża tal-Korea t’Isfel.

Rutte qal li l-istazzjonar u l-‘attivitajiet’ tat-truppi tal-Korea komunista fir-Russja jridu jitqiesu bħala eskalazzjoni sinifikanti minbarra li espansjoni perikoluża tal-gwerra tar-Russja mal-Ukrajna. Fil-fatt, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ma jridx jiċħad dwar il-preżenza tat-truppi komunisti f’pajjiżu – u wara rapporti li r-reġim fi Pyongyang kien se jibgħat l-eluf tat-truppi biex jgħinu lill-qawwiet tal-Kremlin.

Mhux magħruf in-numru eżatt tas-suldati Koreani komunisti fir-Russja, iżda l-Korea t’isfel qed tinsisti li dan il-kontinġent militari jista’ jkun akbar minn 1,500.

Intant, hu wkoll sinifikattiv li l-Alleanza tan-NATO rrikonoxxiet formalment li l-qawwiet ta’ Pyongyang huma involuti ‘fl-azzjonijiet’ fir-Russja – u wara li l-Korea ta’ Fuq ta’ Kim Jong-un ilha tibgħat il-kunsinni tal-munizzjon u l-missili ballistiċi lill-Armata tal-Kremlin bl-iskop li jintużaw kontra l-Ukreni.

Min-naħa tiegħu, Vladimir Putin qabel li jibgħat it-teknoloġija militari u tipi oħra ta’ appoġġ lill-Korea ta’ Fuq bl-iskop li l-pajjiż komunista jevadi s-sanzjonijiet internazzjonali. U fi kliem Mark Rutte, dan il-partnership perikoluż, fost oħrajn, qed iservi bħala theddida kbira għall-paċi u s-sigurtà tad-dinja.