Żagħżugħ ta’ 20 sena mill-Fgura ma ngħatax il-pleġġ u ntbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li l-Ħadd li għadda ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li pprova jtajjar l-eks sieħba tiegħu quddiem l-Għassa ta’ Raħal Ġdid.
Iż-żagħżugħ li ismu mhux jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-allegata vittma, qal lill-Qorti li jaħdem f’ħanut taż-żebgħa. Huwa ġie akkużat ukoll li hedded u kkaġuna biża’ fuq it-tfajla, li kkaġunalha ġrieħi ħfief u li saq bi traskuraġni.
Il-prosekuzzjoni qalet li fil-25 ta’ Ottubru l-eks sieħba tal-akkużat marret l-għassa ta’ Raħal Ġdid u rrapurtat li kien hemm l-eks sieħeb jistennieha quddiem id-dar tagħha, f’Ħal Tarxien. Wara, il-pulizija marru fuq il-post u talbu liż-żagħżugħ jitlaq.
Minkejja dan kollu, huwa għamel ta’ rasu u waqt li l-eks sieħba kienet ħierġa mill-għassa, l-allegat aggressur ipprova jtajjarha u wara ħareġ mill-karozza u ġera warajha. L-akkużat wieġeb mhux ħati, l-avukat difensur Josè Herrera talab għall-ħelsien mill-arrest fejn fost oħrajn talabha tikkunsidra l-età tenera tal-akkużat, kif ukoll li huwa missier.
Huwa esprima wkoll il-fehma li għandha tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Maġistrat Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi u għall-akkużat deher l-Avukat José Herrera.
//= $special ?>