Lokali

“Jonathan Attard u Victoria Buttigieg għandhom jerfgħu r-responsabbiltà u jwarrbu mill-kariga tagħhom” – PN

L-aħbar żvelata mit-Times of Malta llum u ċioè li minħabba nuqqas serju u gravi ta’ Victoria Buttigieg bħala Avukat Ġenerali, il-Qorti Kriminali kellha tħassar ordni ta’ ffriżar kontra persuna akkużata b’reati serji, hija konferma ċara tal-inkompetenza u mġiba ħażina ta’ Victoria Buttigieg bħala Avukat Ġenerali.

Hekk sostna Karol Aquilina, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, fi stqarrija fejn kompla jgħid li dak li seħħ fl-aħħar jiem huwa aktar gravi meta wieħed jikkunsidra li l-proċeduri quddiem il-Qorti Kriminali jirrigwardjaw lil Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija korrotta 17 Black u l-persuna li tinsab akkużata fil-Qorti li hija l-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din is-sitwazzjoni hija gravi wkoll, għax hija riżultat tal-liġijiet ħżiena li Jonathan Attard, bħala Ministru għall-Ġustizzja, għadda mill-Parlament u għall-fiduċja għamja li huwa għandu f’Victoria Buttigieig.  Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jistenna li Jonathan Attard u Victoria Buttigieg minnufih jerfgħu r-responsabbiltà u jwarrbu mill-karigi rispettivi tagħhom. Din hi l-unika triq onorabbli li fadlilhom Jonathan Attard u Victoria Buttigieg.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li jekk Victoria Buttigieg tibqa’ fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali, hija tkun qed tabbuża mill-indipendenza kostituzzjonali li tgawdi u n-nuqqasijiet serji tagħha se jkomplu jdgħajfu l-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali u jwasslu għal amministrazzjoni ħażina tal-Ġustizzja.

Il-PN ifakkar u jenfasizza li huwa kien wissa li l-bidliet kif proposti mill-Gvern dwar il-liġijiet kontra ħasil tal-flus saru b’għaġla kbira u li bihom ser jiddgħajfu l-istituzzjonijiet biex minnhom igawdu biss il-kriminali. L-aħbar żvelata mit-Times of Malta tikkonferma dan.

Issa kulħadd jaf li l-prijorità tal-Gvern Laburista hi li jserraħ moħħ dawk li wettqu korruzzjoni, ħasil ta’ flus u abbuż ta’ poter, temm jgħid Aquilina.