Uffiċjal tad-detenzjoni mara, li kienet rieqda mingħajr ħwejjeġ ta’ fuq fis-sodda tagħha, tqajmet b’mod mill-aktar goff minn erba’ uffiċjali tal-pulizija rġiel li daħlu f’darha, rabtulha jdejha u poġġewha bilqiegħda fi kważi stat ta’ nudità, biex wara skoprew li kienu għamlu rejd fil-post ħażin. .
Charlotte Casha, ta’ 34 sena, li r-raqda tagħha tbiddlet f’esperjenza mill-aktar kerha, fetħet kawża kontra l-Istat u lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar l-arrest arbitrarju u t-trattament degradanti li esperjenzat f’idejn erba’ rġiel li arrestawha, mument li ma tinsih qatt b’mod negattiv.
L-inċident seħħ fi Triq l-Isqof Francis Baldacchino, il-Marsa, fit-12 ta’ Awwissu għall-ħabta tas-6am meta erba’ uffiċjali mill-Ispecial Intervention Unit (SIU) tal-Pulizija telgħu lejn penthouse fi blokka fil-Marsa waqt li kienu qed jassistu lill-Vice Squad u lid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tal-Kriminali f’sensiela ta’ rejds li qed isiru f’diversi zoni b’rabta ma’ investigazzjoni dwar traffikar ta’ persuni.
B’daqqa waħda, l-uffiċjali sfurzaw li jiftħu l-bieb tal-penthouse li spiċċaw sgassawh minn postu. Tnejn mill-persuni tat-tfittxija daħlu fil-kamra tas-sodda fejn il-mara kienet raqdet bil-ħwejjeġ ta’ taħt u ‘topless’. Bil-ħeffa, mingħajr ma qalu kelma waħda, qabduha minn fuq is-sodda tagħha, dawruha wiċċha mal-ħajt u b’mod mill-aktar degradanti mmanettjaw idejha permezz ta’ ‘tie clips’.
Imbagħad, eskortawha lejn il-kamra prinċipali tad-dar, tefgħuha fuq siġġu u ħallewha hemm b’sidirha barra, fi stat ta’ xokk u mwaħda, ma taf x’se taqbad tagħmel. U hekk baqgħet għal madwar 20 minuta fil-preżenza ta’ erba’ pulizija rġiel.
Ħadd ma offrielha li jġibilha flokk jew għall-inqas xugaman biex tgħatti ruħha bih, qalet fil-protest li ressqet. Ħadd ukoll ma talabha isimha jew urieha xi mandat ta’ arrest. Lanqas ħadd ma informaha bid-drittijiet legali tagħha bħala persuna arrestata.
Il-mara baqgħet għaddejja mill-kalvarju tagħha ta’ diversi minuti mingħajr ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni sakemm daħlu fuq il-post żewġ uffiċjali ta’ grad ogħla, waħda minnhom mara. Huma taw struzzjonijiet lit-tim tal-SIU biex jitlaq u jneħħi l-‘manetti’ minn fuq il-mara li dak il-ħin kienet għadha mwerwra.
Il-mara wara ġiet infurmata li ma kinitx għadha taħt arrest. Qabel ħarġu mill-appartament, l-uffiċjali talbuha għad-dettalji personali tagħha. Evidentement kien sar “żball kbir ħafna”. L-allegata vittma ta’ dak l-iżball aktar tard skopriet li l-Pulizija kienet qed timmira lil suspettat li kien joqgħod fl-appartament taħt il-penthouse tagħha. Il-mandat ta’ arrest li kellhom jeżegwixxu dakinhar ma kienx għaliha.
L-għada, Casha ressqet ilment kriminali fil-‘Professional Standards Unit’ tal-Pulizija dwar l-episodju li ħallietha mħawda ħafna. Iżda kollu kien għalxejn. Mhux biss il-korp ma kienx lest jerfa’ r-responsabbiltà għall-inċident “deplorevoli”, iżda saħqu li ma sar “xejn irregolari”.
Il-‘Professional Standards Unit’ ħarġet bl-“iskuża assurda” li l-uffiċjali li arrestaw kienu qed jaġixxu fuq xi forma ta’ “suspett raġonevoli” meta daħlu sfurzati fir-residenza tal-mara. X’suspett raġonevoli qatt jista’ jiġġustifika l-umiljazzjoni u n-nuqqas ta’ rispett li wrew lejn id-dinjità ta’ persuna, staqsiet il-mara fir-rikors tagħha li ppreżentat nhar it-Tnejn quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha.
Anke jekk tali “suspett” kien jeżisti tassew, l-ebda wieħed mill-uffiċjali li arrestaw ma ddejjaq isegwi r-regoli bażiċi u s-salvagwardji li l-liġi tagħti lill-persuni arrestati. Barra minn hekk, l-użu eċċessiv tal-forza ċertament ma kienx iġġustifikat.
Il-bieb ta’ l-appartament tagħha kien litteralment mifqugħ’, sfurzat mal-ħajt tas-sodda u saħansitra agħar minn hekk, idejha kienu marbuta b’tie clips aktar milli manetti normali. Kieku l-Pulizija talbet id-dettalji personali tagħha fil-bidu nett, l-esperjenza trawmatika setgħet kienet ferm inqas serja.
Il-mara issa rrikorriet għall-qrati kostituzzjonali, fejn sostniet li l-kalvarju kien jammonta għal ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha għall-protezzjoni kontra arrest arbitrarju u trattament degradanti. Minn dik l-esperjenza, hija kienet sfurzata tħalli l-impjieg tagħha bħala uffiċjal tad-detenzjoni, fejn ħadmet ma’ persuni vulnerabbli u detenuti li jbatu minn problemi mentali.
Iżda t-trawma emozzjonali u psikoloġika li sofriet kienet għamlitha “mhux tajba għax-xogħol.” Ma setgħetx tkompli twettaq id-dmirijiet speċjalizzati tagħha. Il-mara qed titlob lill-Qorti biex tiddikjara lill-Avukat tal-Istat u lill-Kummissarju tal-Pulizija responsabbli għall-ksur tad-drittijiet u tordnalhom iħallsu danni pekunjarji u mhux pekunjarji.
Hija qed titlob ukoll lill-Qorti biex tieħu kull miżura oħra meqjusa xierqa biex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali tar-rikorrent.
L-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u David Chetcuti Dimech iffirmaw ir-rikors.