L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) tilqa’ d-diskors tal-budget tal-lum, “A Quality Country” (Pajjiż ta’ Kwalità), peress li jpoġġi pedament sod għal ekonomija reżiljenti mfassla biex tadatta u tirnexxi fost bidliet globali. Dan il-budget jagħmel enfasi sinifikanti fuq miżuri soċjali filwaqt li jindirizza wkoll is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni, u l-infrastruttura, li jservu bħala s-sinsla għat-tisħiħ ta’ setturi ewlenin, partikolarment it-turiżmu.
Ekonomija reżiljenti ssaħħaħ it-turiżmu billi toħloq ambjent fejn is-servizzi ta’ kwalità, l-inizjattivi ekoloġiċi, u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol jistgħu jiffjorixxu. Dan il-budget jintroduċi finanzjament sostanzjali għal infrastruttura sostenibbli, trasport u ndafa pubblika, li jiżgura li s-siti ta’ wirt, l-ispazji pubbliċi, u l-faċilitajiet tat-turiżmu tagħna mhux biss ikunu aċċessibbli u attraenti iżda wkoll allinjati ma’ prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Titjib fl-infrastruttura kritika, bħad-drenaġġ, is-servizzi tal-ilma u l-provvista tal-enerġija, se jkun essenzjali fl-appoġġ tas-settur tat-turiżmu u t-titjib tal-esperjenza ġenerali tal-viżitatur.
Tony Zahra meta mistoqsi fuq l-overpopulation saħaq kif hu xi kultant iħossu barrani f’pajjiżu stess, però huwa pass li għandna bżonn nindirzaw.
Barra minn hekk, l-MHRA tilqa’ r-reviżjonijiet fl-ordnijiet għar-regolamentazzjoni tal-pagi, u tenfasizza l-ħtieġa li dawn il-bidliet jirriflettu b’mod preċiż ir-realtajiet tan-negozju tal-lukandi u r-ristoranti. Huwa kruċjali li r-regolamenti tal-pagi ma joħolqux xokkijiet fis-settur tar-ristoranti; għandhom jiġu evalwati biex titqies in-natura unika tal-industrija, li ħafna drabi tesperjenza attività kkonċentrata fi tmiem il-ġimgħa. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali għandu jikkunsidra n-natura tal-ħaddiema temporanji f’dan is-settur.
L-MHRA tfaħħar l-impenn tal-gvern għad-dixxiplina fiskali, u l-għan tiegħu li jżomm id-defiċit fil-marka ta’ 3.5% li jista’ jintlaħaq permezz ta’ tbassir ta’ tkabbir ekonomiku qawwi. L-MHRA tirrikonoxxi li ż-żieda fil-faxex tat-taxxa se tħalli €140 miljun fl-ekonomija, li wħud minnhom bla dubju se jintefqu fir-ristoranti u l-lukandi.
//= $special ?>