Ninsabu mwaħħxa bl-aħbar imxandra fil-ġurnal Times of Malta li l-assi temporanjament iffriżati ta’ Yorgen Fenech ingħatawlu lura. Dan sar għax minn meta kien arrestat, il-gvern bidel il-liġi dwar l-iffriżar temporanju tal-assi u wara li l-Avukat Ġenerali naqset li tħaddem il-liġi l-ġdida.
Il-gvern bidel il-liġi li tirregola l-iffriżar temporanja tal-assi għal persuni akkużati b’reati serji, u kif qalet Repubblika meta kien sar dan it-tibdil fil-liġi, il-gvern żarma għodda importanti tal-istat fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.
Attendejna u tkellimna fil-kumitat tal-Parlament li kien qed jiddiskutiha. Appellajna lill-gvern biex ma jkunx hu li jdgħajjef il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. L-iffriżar temporanju tal-assi tal-persuni akkużati b’reati serji hu meħtieġ biex ma jippermettilhomx jaħbu l-qliegħ li jkunu għamlu mir-reati li huma akkużati li wettqu.
Il-Ministru Jonathan Attard li kien qed jippilota din il-liġi, webbes rasu u baqa’ għaddej bl-appoġġ tal-gvern. Wara li l-gvern bidel il-liġi, kien imiss lill-Avukat Ġenerali tħaddimha biex tassigura li b’xi mod tista’ tibqa’ tintuża kontra reati serji.
L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ma applikatx il-liġi u għax m’għamlitx xogħolha, Yorgen Fenech ħa lura l-assi li kienu temporanjament iffriżati.
Dan hu falliment gravi tal-Istat Malti. Il-Ministru Jonathan Attard bidel il-liġi u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ma ħaddmithiex.
Jekk dan kien żball ġenwin (li ma nemmnux li kien), Jonathan Attard u Victoria Buttigieg għandhom jirreżenjaw illum stess. Jekk dan ma kienx żball ġenwin, din hi l-imġiba ta’ stat mafjuż.
//= $special ?>