Il-Partit Nazzjonalista, permezz tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, illejla kiteb formalment lilll-Awtorità tax-Xandir dwar spot bi propaganda partiġjana tal-Gvern Laburista li xxandar fuq dak li suppost huwa l-istazzjon pubbliku.
Dan l-ispot mhux talli jinkludi kontenut partiġjan imma talli jidher u jitkellem fih il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela nnifsu. Dan qed iwassal għal żbilanċ politiku lejlet li jitressaq il-Budget nazzjonali u potenzjalment fil-ġranet li ġejjin. L-ispot ixxandar diversi drabi fuq TVM, inkluż f’nofs l-aħbarijiet u anke wara.
Skont il-liġi ma tista’ tixxandar l-ebda propaganda politika b’dan il-mod, u sakemm ma jkunux parti minn skeda tal-Awtorità tax-Xandir, dawn it-tip ta’ spots huma illegali.
Fuq struzzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista wissa li jekk ix-xandir ta’ dan l-ispot – li qed iwassal biex l-Oppożizzjoni ssofri preġudizzju – ma jitwaqqafx immedjatament u ma tkunx ittieħdet azzjoni mill-Awtorità tax-Xandir sal-lum, l-Oppożizzjoni ma jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li titlob li jittieħdu passi legali ulterjuri biex jitwaqqaf dan l-abbuż sfaċċat.
Il-Partit Nazzjonalista qed jesiġi wkoll li jingħata rimedju effettiv għal dak li ġara lbieraħ filgħaxija, liema rimedju jibqa’ għaddej sakemm din il-propaganda titwaqqaf, waqt li jkun assigurat li l-Oppożizzjoni tingħata spazju daqs il-Gvern biex titkellem dwar il-Budget 2025, inkluż permezz ta’ spots politiċi simili.
//= $special ?>