Komplew jinstemgħu l-provi fil-konfront taż-żagħżugħ ta’ 19-il sena mixli li f’Mejju li għadda poġġa splussiv quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Fil-Qorti ħareġ li David Brincat kien fi stat ta’ ġenn meta kien arrestat u li jbati minn psikożi.
Quddiem il-Magistart Kevan Azzoppardi, kompliet il-kumpilazzjoni fejn il-prosekuzzjoni u d-difiża kkonfermaw li l-espert mediku Mario Scerri ħa numru ta’ kampjuni ta’ xagħar l-akkużat. L-istess kampjun għandu jittieħed barra l-pajjiż għal ittestjar ta’ sustanzi tossikoloġija, dejjem jekk il-Qorti ma tkunx sodisfatta bir-rapport tat-tliet psikjatri dwar is-saħħa mentali u l-abbuż tad-droga tal-akkużat.
It-tliet psikjatri maħtura mill-Qorti qalu li l-ezami li twettaq fuq Brincat ikopri sa mit-twelied tiegħu sakemm kien rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli. Ħareġ li Brincat għandu l-awtiżmu, ibati minn ‘Personality Disorder’, u jinsab fi stat ta’ psikosi.
Fix-xhieda taghha, Dr Rachel Taylor East qalet li Brincat instab pożittiv għal methadrone waqt li seħħ il-każ. Spjegat ukoll li s-sustanza tista’ twassal għal psikosi iżda qalet ukoll li bħala individwu, Brincat huwa suxxettibbli għal psikosi anke jekk ma jikkunsmax id-droga.
Il-psikjatra Dr Nigel Camilleri qal li meta tkellem ma’ Brincat, qallu li hu kien jipproduci d-droga għalih innifsu fil-garaxx tad-dar tieghu. It-tliet psikjatri minn naħa tagħhom iddikjaraw li dakinhar tal-arrest David Brincat kien fi stat ta’ genn.
Il-Qorti qalet li r-rapport tal-esperti jindika b’mod ċar li ż-żagħżugħ kien fi stat ta’ ġenn waqt l-allegat reat u għalhekk ordnat li jinżamm taħt kustodja fl-Istpar Monte Carmeli biex jingħata l-kura neċessarja.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit u Wayne Camilleri flimkien l-Avukati Kaylee Bonett u Joseph Azouref mill-uffiċċju tal-AĠ. Għaż-żagħżugħ qegħdin jidhru l-avukati Lara Clarks u Nicholas Mifsud.
//= $special ?>