Internazzjonali

Wara l-elezzjonijiet fil-Ġorġja: Protesta tal-poplu li qed jirrifjuta ‘l-proċess immanipulat’

Il-President tal-Ġorġja appellat lill-komunità internazzjonali biex tappoġġja lill-popolazzjoni ta’ pajjiżha wara li l-Partit fil-Gvern rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari ta’ tmiem il-ġimgħa. Ir-riżultat attwali jfisser li l-aspirazzjonijet tal-Ġorġja biex tifforma parti mill-Unjoni Ewropea spiċċaw staġnati, bil-President Salome Zourabichivili – li hi favur il-Punent – tinsisti li l-elezzjonijiet kienu ‘manipulati u mbagħbsin’ biex jiċħdu lill-poplu mill-futur li jixraqlu.

Il-President sejħet biex il-Ġorġjani jinġabru għal protesta barra l-Parlament f’Tbilisi u fejn sostniet li dan hu mument kruċjali għal kulħadd. Filwaqt li n-nies, bħalissa, qed jinġabru fil-kapitali, hi qalet li d-dimostrazzjoni se tkun waħda paċifika waqt li sostniet il-ħsieb li l-Gvern Ġorġjan ma jridx tassew konfrontazzjoni bejn in-nies u l-pulizija.

Il-Partit Ħolma Ġorġjana fil-Gvern u l-Kummissjoni Elettorali fil-Ġorġja, intant, qed jinsistu li r-riżultat tal-elezzjoni fejn il-partit inkwistoni kiseb 54 tal-vot, kien il-konklużjoni ta’ proċess ħieles u xieraq.

Iżda Zourabichvili ħeġġet biex l-Istati sieħba tal-Ġorġja jaraw tassew x’qiegħed jiġri u qalet li r-rebħa għall-Gvern ‘mhix tassew ir-rieda tal-poplu Ġorġjan li jrid jirrealizza t-tragward tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.’

Mhux ċar, għalissa, x’inhu l-veru skop tal-President u l-partiti fl-Oppożizzjoni li qed jinsistu biex in-nies joħorġu fit-toroq viċin il-Parlament fil-kapitali. Madankollu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-Ġorġjani għandhom id-dritt biex jaraw li l-irregolaritajiet elettorali f’pajjiżhom ikunu investigati bir-reqqa u b’mod indipendenti u trasparenti.