L-OPINJONI
Il-leaders Birkirkara komplew għaddejjin bir-rebħ fejn fi tmiem il-ġimgħa huma kisba t-tmien suċċess konsekuttiv wara li għelbu lil Gżira United bl-iskor ta’ 1-0. Din ma’ kenitx logħba faċli għall-Istripes fejn quddiemhom kellhom tim li jrid il-punti sabiex jipprova jispiċċa mal-ewwel sitta. Iżda kellu jkun Agustin Sandona li skorja b’xutt b’saħħtu li ħasad għal kollox lid-difiża tal-Maroons. Dawn tal-aħħar kellhom il-mumenti tagħhom ukoll iżda jidher evidenti li Birkirkara qed ikunu kunfidenti fil-logħob tagħhom fejn ftit li xejn qegħdin jiżbaljaw. Huma jibqgħu favoriti li jirbħu l-Opening Round tat-360 Sports Malta Premier minkejja li fadal żewġ logħbiet u rawnd sħiħ taċ-Championship Pool. Jidher li mill-banda l-oħra, Gżira ser jibqgħu jissieltu sal-aħħar biex ikunu jafu d-destinazzjoni tagħhom.
Dwell bejn il-plejer ta’ Gżira Marcelo Dias u Manuel Moriello ta’ Birkirkara (Ritratt: Trevor Sollars)
Floriana rritornaw fit-tieni post tal-klassifika wara rebħa komda ta’ 3-0 fuq Balzan. Huma daħlu għal din il-partita jfittxu tliet punti biex jerġgħu jsibu posthom waħidhom fit-tieni pożizzjoni wara li fl-aħħar logħba huma sfaw miżmuma minn Marsaxlokk. Kienet logħba ddominata mit-tim immexxi minn Darren Abdilla fejn wara taqsima kwieta bl-uniku xutt denju fil-lasta jkun il-gowl tal-Greens, fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta rajna lil Floriana kompletament superjuri. Franklin Sasere skorja żewġ gowls oħra biex tella’ t-total tiegħu għal sebgħa. Mill-banda l-oħra, diżappuntanti Balzan fejn huma jinsabu mal-aħħar sitt timijiet b’din tkun it-tieni telfa konsekuttiva wara dik li sofrew kontra Melita fl-aħħar ħarġa tagħhom.
Franklin Sasere skorja dopjetta kontra Balzan (Ritratt: Trevor Sollars)
Il-ħames rebħa għal Sliema u t-tieni waħda konsekuttiva wara li huma għelbu lil Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 1-0. Kellu jkun gowl tal-captain tagħhom Henrique Murillo li xaqleb il-miżien fid-direzzjoni tal-Blues. Kienet logħba sabiħa mimlija azzjonijiet fejn l-Ispartans tilfu wkoll numru ta’ players minħabba injuries varji biex dan kompla jżid ma’ players bħal Vitao, Eder u Borg li kienu diġà neqsin. Rebħa li aċċertat matematikament lil Sliema Wanderers minn post mal-ewwel sitta. Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-Ispartans fejn għalihom din kienet it-tielet telfa konsekuttiva. Ovvjament il-logħbiet li jmisshom kontra Marsaxlokk u Gżira United iridu jintrebħu għax inkella hemm possibbiltà kbira li sorprendentament huma jispiċċaw fir-Relegation Round.
Henrique Freire kien l-awtur tal-unika gowl bejn Sliema u Ħamrun (Ritratt: Joseph Galea)
Rebħa meritata kisbu wkoll Hibernians wara li huma għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 2-0. Kienet rebħa importanti għat-tim minn Raħal Ġdid fejn komplew iżommu l-forma eċċellenti u l-mija fil-mija rekord fit-Tony Bezzina Stadium dan l-istaġun. Tliet punti li bihom Hibernians għamlu ċert minn post mat-Top Six. Din kienet it-tielet rebħa mill-aħħar ħames logħbiet għat-tim immexxi minn Branko Nisevic. B’wieħed mill-gowls ikun skurjat mill-attakkant tagħhom Jurgen Degabriele li inċidentalment dan kien il-mitt gowl tiegħu fil-Kampjonat Premier għal Hibernians. Melita għadhom biċ-ċans li jistgħu jagħmluha mal-ewwel sitta iżda jridu jħarsu ‘l quddiem lejn iż-żewġ logħbiet li fadlilhom, żewġ logħbiet diretti kontra Mosta u Żabbar SP.
Alfred Silas ta’ Hibernians jirbaħ il-ballun minn Aldair Pena ta’ Melita (Ritratt: Joseph Galea)
Logħba interessanti u li pproduċiet xejn anqas minn sitt gowls kienet dik bejn Mosta u Żabbar SP bil-Mostin jiksbu t-tliet punti biex issa jinsabu mal-ewwel sitta fil-klassifika. Dan huwa kuntrast ma’ dak li rajna fil-bidu tal-istaġun minn Mosta li issa rkupraw tajjeb ħafna b’4 rebħiet konsekuttivi. Kienet logħba li rat lil Żabbar jiksbu vantaġġ kmieni fil-partita. U kien biss fl-aħħar parti tal-logħba li Mosta għamlu ċert mir-rebħa. Għal darb’oħra spikka għal Mosta Clayton Failla li minkejja l-eta tiegħu qed ikun pedina determinanti fit-tim tagħhom. L-esperjenza tiegħu hija strumentali sabiex Mosta tkompli miexja lejn id-direzzjoni li huma jixtiequ jaslu. Fadal żewġ logħbiet li Mosta kapaċi jirbħu biex jispiċċaw fiċ-Championship Pool. Għal Żabbar, destinazzjoni ċerta.
Finalment Naxxar Lions u M’Xlokk temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr gowls. Riżultat ġust meta tqis iċ-ċirkostanzi kollha għal dak li rajna. Draw li ma tantx iċaqlaq il-klassifika taż-żewġ timijiet fin-naħa t’isfel u ma jikkuntenta lil ebda naħa. Fil-fatt, kemm Naxxar kif ukoll Marsaxlokk iqisu li tilfu l-punti minn konfront dirett. Logħba li kkonfermat li l-klassifika dejjem tgħid il-verità għaliex kienu disgħin minuta neqsin minn logħob sabiħ u azzjonijiet fuq il-lasti rispettivi. Li huwa żgur li dawn iż-żewġ timijiet iridu jtejbu l-wirjiet tagħhom fl-aħħar żewġ logħbiet jekk iridu jaspiraw li jissieltu sabiex jiksbu post fiċ-Championship Pool minkejja li kif inhuma l-affarijiet ser tkun diffiċli ħafna.
Yuri Messias ta’ Marsaxlokk bil-pussess tal-ballun (Ritratt: Catriel Farrugia)
INNUTAJNA
LI l-ordni tal-MFA hija li fir-reserved parking tat-Tony Bezzina Stadium ikun hemm post wieħed għal kull media house. Mela għandna sitwazzjoni fejn il-kummentatur tal-logħba, analista u nies li jkunu qed jitrażmettu b’mod dirett iridu jipparkjaw mal-pubbliku inġenerali meta kulħadd jaf kif inhi z-zona tat-Tony Bezzina Stadium. Apparti ġurnalisti oħra li jridu jgħaddu mill-istess eżitu. Possibbli fis-sena 2024 hekk huma stmati l-ġurnalisti? Jekk irridu nagħmlu qabża fil-kwalità, li naqbel li qed, issir ejjew nagħmluha f’kollox.
LI fatt interessanti huwa li fil-logħba bejn Floriana u Balzan kien hemm żewġ players opposti bl-istess isem u kunjom. Il-midfielder tal-Greens Jake Grech u dak ta’ Balzan li jġib l-istess isem.
LI l-eks gowlkeeper internazzjonali Malti u ta’ Gżira United, Justin Haber, ġie ppreżentat bi flokk mill-klabb tiegħu fl-okkażjoni tat-350 logħba fil-kampjonat. Prosit Justin.
//= $special ?>