L-imsieħba soċjali ma kellhomx idea li l-ammont ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet li persuna jkollha bżonn biex tieħu l-pensjoni sħiħa se jiżdiedu b’sena; miżura li l-unions ma kienu jafu xejn dwarha – aħbar li ħaduha bħala ħasda.
It-Tlieta waranofsinhar Net News staqsa lill-Ministru Michael Falzon min se jkun qiegħed jintlaqat min tali miżura, bil-Ministru jibqa’ jgħid li mhu se jinbidel xejn; għajr li minn dan il-budget ħareġ li biex tieħu l-pensjoni sħiħa trid tħallas aktar NI.
Mistoqsi għalfejn ma infurmawx lill-imsieħba soċjali, il-Ministru farfarha fuq min jieħu ħsieb l-MCESD – ċioè fuq is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, responsabbli mid-Djalogu Soċjali.
Il-Ministru insista li din hija miżura li qed titwettaq fuq parir tal-Grupp Strateġiku tal-Pensjonijiet – u li saru diskussjonijiet. Madanakollu saħaq li hu mhux f’pożizzjoni li jitkellem fuq l-imsieħba soċjali.
Bil-Ministru stess spiċċa kkonferma li l-ħaddiema jridu jħallsu sena aktar f’kontribuzzjonijiet.
Intant, staqsejna wkoll lill-Ministru Falzon dwar dak li qalet il-Kamra tal-Kummerċ wara l-Budget… fejn iddeskriviet dak li ntqal mill-Ministru Clyde Caruana bħala budget li ma indirizzax il-viżjoni ekonomika fit-tul u l-miżuri neċessarji biex titjieb il-kwalità tal-ħajja.
Madanakollu, il-Ministru Michael Falzon jinsab konvint li l-kwalità tal-ħajja li qed ngħixu bħalissa titkellem waħedha.
//= $special ?>