F’għeluq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq, il-banda tal-istess Għaqda tellgħet kunċert vokali u strumentali fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta, nhar is-Sibt 26 ta’ Ottubru.
Il-banda Ġużeppina, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Reno Busuttil, daqqet siltiet mużikali sagri fosthom ‘Pie Jesu’ ta’ Andrew Lloyd Webber u ‘Ave Verum’ ta’ Mozart fost oħrajn. Permezz ta’ dan il-kunċert, il-Banda San Ġużepp se tkun daqqet fi tliet katidrali tal-Gżejjer Maltin.
Fl-2021 daqqet fil-Katidral ta’ Għawdex għall-inawgurazzjoni tar-restawr tal-istatwa ta’ San Ġużepp u sena wara, proprju fl-2022, fil-Katidral tal-Imdina esegwiet l-oratorju ‘Ġużeppi Kieku Taf’ matul is-sena Ġużeppina.
Din is-sena, l-Għaqda San Ġużepp kellha l-unur issemma’ l-ħoss sabiħ tal-banda tagħha wkoll fil-Konkatidral fil-Belt Valletta. Mhijiex xi ħaġa spissa li naraw baned Maltin idoqqu f’dan il-Konkatidral uniku fil-Gżejjer Maltin u wieħed mill-isbaħ madwar id-dinja.
Dan il-kunċert sar bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti.
//= $special ?>