Internazzjonali

Il-Ġorġja: L-UE urtata dwar iż-żjara ta’ Orban biex jifraħ lill-Gvern f’Tbilisi

Il-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban, mill-ġdid ġibed l-għadab tal-Unjoni Ewropea wara li żar il-Ġorġja biex iwassal messaġġ ta’ kongratulazzjoni lill-Prim Ministru Irakli Kobakhidze u l-Gvern tiegħu mmexxi mill-Partit tal-Ħolma Ġorġjana. Dan il-partit, fi tmiem il-ġimgħa, ħareġ rebbieħ fl-elezzjoni parlamentari mill-aktar kontroversjali (fil-Ġorġja) u l-uffiċjali fi Brussell fissru l-aġir ta’ Orban bħala prematur u arbitrarju. Aġir li ma jirriflettix il-politika komuni tal-Unjoni.

Ir-rebħa għall-partit ta’ Kobakhidze qed titqies bħala dubjuża ferm minkejja li l-Kummissjoni Elettorali f’Tbilisi dikjarat li hu kiseb mal-54 fil-mija tal-voti kollha – u ħafna aktar minn kwalunkwe partit ieħor fl-Oppożizzjoni. Il-vot kien daqslikieku referendum għall-futur tal-Ġorġja u qabel l-elezzjoni, l-indikazzjonijiet kollha kienu li l-poplu kien se jwarrab lill-Partit ta’ Kobakhidze u jwitti t-triq tal-pajjiż lejn sħubija fl-UE .

Intant, missjoni magħmulha mill-osservaturi tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), qalet li filwaqt li l-elezzjonijiet fil-Ġorġja kienu organizzati tajjeb, kien hemm ukoll klima ta’ tensjoni kbira, fost il-ħafna rapporti dwar xiri ta’ voti u intimidazzjoni tal-votanti min-naħa tal-aġenti tal-Gvern.

Madankollu, il-Prim Ministru Orbán, li jgawdi relazzjonijiet mill-aqwa mar-Russja, faħħar l-elezzjonijiet fil-Ġorġja bħala ‘ħielsa u demokratiċi’ biex kompla jurta lill-Mexxejja u l-Gvernijiet tal-Unjoni. Hu qal ukoll li r-Repubblika tal-Ġorġja ma nbidlitx ‘f’Ukrajna oħra’, bl-osservaturi jfissru dan il-kumment bħala wieħed dispreġjattiv għat-tmexxija fi Kiev.

Fl-aħħar sigħat, 13-il pajjiżi membri tal-UE, immexxija mill-Ġermanja u Franza, ippubblikaw ittra miftuħa biex jikkundannaw bla riservi ż-żjara ta’ Orban f’Tbilisi. L-ittra anki riservat kundanna għal kull tip ta’ abbuż tal-kriterji internazzjonali meħtieġa għall-elezzjoijiet ħielsa fi kwalunkwe Stat sovran,

Għaldaqstant, il-messaġġ inekwivoku kien li l-Prim Ministru Orban, permezz taż-żjara, mhux jaġixxi jew jitkellem għan-nom tal-pajjiżi oħrajn li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea, l-Ogħla Rappreżentanta tal-Unjoni u l-President tal-Kunsill Ewropew qed ikomplu jinsistu għal investigazzjoni trasparenti u ta’ malajr għall-allegati abbużi u irregolaritajiet  fl-elezzjonijiet parlamentari fil-Ġorġja. Dan meta għexieren ta’ eluf ta’ Ġorġjani qed jipprotestaw li spiċċaw misruqa mill-futur tagħhom minħabba l-aġir ‘tal-Istat’ li, fi kliemhom, qed jostakola s-sħubija potenzjali tal-Ġorġja fl-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li l-UE ma kkuntestatx il-leġittimità tar-riżultat, hi qed tesprimi inkwiet kbir dwar l-impatt potenzjali tal-indħil min-naħa tar-Russja fil-proċess elettorali tal-Ġorġja. Indħil li fih x’aktarx li kien kompliċi l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Ġorġjan Irakli Kobakhidze.

L-inkwiet esprimietu personalment il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li sostniet li ‘ma teżisti l-ebda raġuni għalfejn (il-President Russu) Vladimir Putin għandu jkun influwenti fil-futur taż-żgħażagħ Ġorġjani li jridu jgħixu bħala membri tal-Familja Ewropea’.

Von der Leyen qalet ukoll, bla tlaqliq, li l-poplu Ġorġjan, l-istess bħall-popli kollha tal-Ewropa, huma kmandi tad-destin tagħhom u li dan id-dritt għandu jkun irrispettat minn kulħadd.

Dan meta l-UE qed tirrikonoxxi li l-poplu tal-Ġorġja – Eks Repubblika Sovjetika – ilu ħafna snin jiġġieled għad-demokrazija u meta għandu kull dritt li jsir jaf dwar l-abbużi li qegħdin jidhru li seħħew waqt l-aħħar elezzjonijiet f’pajjiżhom.