Il-grupp Ħeżbollah tal-milizji Lebaniżi Xiti ħabbar li l-Viċi Segretarju Ġenerali tiegħu, Naim Qassem, laħaq bħala Mexxej Suprem minflok Hassan Nasrallah, il-politiku veteran li nqatel ġimgħat ilu waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq Bejrut.
Qassem hu fost il-ftit kapijiet anzjani tal-Ħeżbollah li għadhom ħajjin wara li Iżrael elimina kważi l-membri kollha tat-tmexxija tal-grupp waqt sensiela ta’ attakki matul is-sajf u anki fl-aħħar ġimgħat.
Il-ħatra ta’ Qassem hi konfermata fi żmien meta rranka l-konflitt militari bejn Iżrael u l-Ħeżbollah. Dan wara li hu, għal aktar minn 30 sena, serva bħala t-tieni l-aktar kap importanti tal-Ħamas minbarra li kien ukoll wieħed mill-aktar uċuħ magħrufa ta’ dak il-grupp.
Il-Ħeżbollah qal li Naim Qassem kien elett mill-Kunsill ta’ Shura u skont ir-regoli tal-moviment armat tax-Xiti, li twaqqaf matul is-snin tmenin. Ħadd ma jaf fejn jinstab Qassem għalissa għalkemm xi rapporti qed jindikaw li hu ħarab lejn l-Iran, li hu l-akbar sostenitur tal-Ħeżbollah.
L-istqarrija ta’ konferma mill-Ħeżbollah anki onorat lil Hassan Nasrallah u oħrajn li nqatlu waqt il-konflitt ma’ Iżrael. Fl-istess ħin, il-bidla fit-tmexxija tal-grupp qed issir wara li Hashem Safieddine – li għal żmien kien indikat bħala s-suċċessur ‘naturali’ ta’ Nasrallah – spiċċa maqtul mill-Iżraeljani fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
//= $special ?>