Malta Żagħżugħa – it-tema li għażel il-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Ġenerali li ser ikun mifrux fuq ġimagħtejn bi tliet assemblej prinċipali, intgħażlet minħabba li dan il-pajjiż żagħżugħ li kulma ilu biss 60 sena indipendenti, għandu bżonn bidla fid-direzzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Mark Anthony Sammut u Stefan Caruana, ġie spjegat li dan wara snin ta’ Gvern Laburista li kulma jmur kompla jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut elenka l-fatt ukoll li min joħloq il-problema ma jista’ qatt ikun is-soluzzjoni.
Minn naħa tiegħu, Stefan Caruana sostna li l-Partit Nazzjonalista jinsab lest sabiex la darba jingħata t-tmun tal-pajjiż jibda jsolvi l-kriżijiet, għaliex il-poplu jixraqlu Gvern ta’ serħan il-moħħ.
Hu spjega li l-Kunsill Ġenerali ser ikun maqsum fuq ġimagħtejn bi tliet assemblej reġjonali. Bl-ewwel assemblea fl-Imġarr li se tkun qed issir fil-koperattiva tal-bdiewa, it-tieni assemblea li se tkun qed issir fis-sala tal-kunsill lokali tal-Fgura, u bl-aħħar assemblea fil-Lukanda Kempinski f’San Lawrenz. Dawn bil-preżenza tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Apparti min hekk, il-Ħadd 3 ta’ Novembru se jingħata bidu tal-Kunsill Ġenerali bl-ewwel plenarja li se tkun qed issir fil-Lukanda Radisson, f’San Ġiljan. It-Tieni plenarja se tkun qed issir il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru bil-parteċipazzjoni ta’ bosta Kunsilliera sabiex imbagħad, il-Ħadd 10 ta’ Novembru se ssir l-aħħar plenarja li ttemm dan il-Kunsill Ġenerali b’diskors mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
L-għan ta’ dan il-Kunsill Ġenerali jibqa’ wieħed li jpoġġi l-Partit Nazzjonalista mhux biss bħala gvern alternattiv, iżda bħala għażla naturali għal bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn
//= $special ?>