Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb serjament dwar l-esklużjoni tal-Ponta taż-Żonqor mill-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar li ġie ppubblikat reċentement. Din hi l-istess art li l-Gvern kien biddel id-deċiżjoni tiegħu dwarha, wara pressjoni mill-Oppożizzjoni u l-protesti tal-pubbliku, fejn l-ewwel taha lill-American University of Malta (AUM), imbagħad ħadha lura.
Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Stanley Zammit, fissru li l-Partit Nazzjonalista dejjem sostna li l-Ponta taż-Żonqor għandha tkun integrata bis-sħiħ fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar. L-inklużjoni tagħha hija essenzjali biex tiġi mħarsa din iz-zona kostali unika u ekoloġikament importanti għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri. Minħabba li l-pjanijiet u r-regolamenti lokali diġà jinkludu lill-Ponta taż-Żonqor bħala parti mill-konfini tal-park, in-nuqqas tiegħu mill-Pjan tal-Immaniġġjar iqajjem mistoqsijiet importanti.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern jieħu azzjoni immedjata biex jiżgura li l-Management Plan tal-Inwadar jinkludi formalment il-Ponta taż-Żonqor, kif kien previst kemm fil-qafas tal-ippjanar kif ukoll fil-wegħdiet preċedenti.
Din iz-zona hija wisq importanti biex tiġi injorata minn kwalunkwe pjan li għandu l-għan li jippreserva l-wirt naturali ta’ Malta. Il-pubbliku Malti, li esprima l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-iżvilupp tal-Università Amerikana, jistħoqqlu xejn inqas minn trasparenza sħiħa u impenn min-naħa tal-Gvern dwar din il-kwistjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu jiċċara l-pożizzjoni tiegħu u jiżgura li l-Ponta taż-Żonqor tiġi trattata bħala parti integrali mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar. Din l-art hija parti vitali mit-tessut ambjentali u kulturali ta’ Malta, u l-protezzjoni tagħha trid tkun garantita.
Huwa ċar li għall-Gvern il-ħarsien ta’ zoni ambjentali bħal dawn mhux prijorità u xhieda ta’ dan ingħatat anke fil-Budget li tressaq ilbieraħ fejn dan il-qasam daqstant importanti għall-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin intesa kompletament.
//= $special ?>