Lokali

Il-PN jitlob risposti ċari mill-Ministru għall-Intern u mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar rejds li saru fuq persuni bi żball

Il-Partit Nazzjonalista jinsab inkwetat dwar is-sitwazzjoni preokkupanti ta’ rejds u żgassi forzati f’residenzi privati li qed isiru abbażi ta’ informazzjoni skorretta mill-forzi tal-ordni. Dawn ir-rejds qed inisslu tħassib serju u inkwiet għal numru ta’ nies u jixhdu n-nuqqas ta’ responsabbiltà mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

Hekk stqarr il-PN, permezz ta’ stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Darren Carabott.

Fl-aħħar jiem ġie żvelat każ ieħor bħal dan fil-Marsa – fejn mhux biss seħħ rejd f’residenza żbaljata u ġiet arrestata persuna bi żball, iżda dan ir-rejd ħalla vittma b’qatgħa u trawma. L-allegazzjoni li qed tagħmel il-vittma li hija għaddiet minn umiljazzjoni hija ta’ tħassib u din l-allegazzjoni għandha tkun indirizzata direttament mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Agħar minn hekk, din mhix l-ewwel darba li seħħ każ bħal dan. Mill-informazzjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista, dan hu t-tieni każ fi ftit xhur. Iktar kmieni din is-sena kien sar dħul forzat fi proprjetà fil-Marsa abbażi ta’ informazzjoni ħażina.

Każ simili kien seħħ f’Awwissu 2024 fil-Marsa fejn il-vittma kienet anzjana ta’ 95 sena. F’dan il-każ kien seħħ dħul forzat billi faqgħu l-bieb ta’ barra u daħlu jfittxu fi proprjetà b’oħra. Fortunatament l-anzjana ma kinitx id-dar fil-mument li seħħ l-iżgass. Agħar minn hekk, kellhom ikunu l-ġirien li jinfurmaw lill-familjari tal-anzjana kif infaqa’ l-bieb ta’ barra għax ma sar l-ebda kuntatt mal-familja mill-Korp tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista pubblikament jitlob lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex jirrispondu għal dawn id-domandi:

  • Peress li dan ma kienx żball li seħħ darba biss  – abbażi ta’ liema artikoli tal-liġi u liema reati suspettati qegħdin isiru dawn ir-rejds ta’ dħul forzat fir-residenzi?
  • Kif qed tittieħed azzjoni ta’ dħul forzat f’indirizzi żbaljati abbażi ta’ informazzjoni ħażina u minn fejn ġejja din l-informazzjoni?
  • Dan id-dħul forzat għandux x’jaqsam mal-iskandlu ta’ indirizzi foloz irreġistrati mal-Aġenzija Identità, li dwaru hemm Inkjesta Maġisterjali għaddejja?
  • Il-Gvern kif se jserraħ ras il-poplu Malti li mhux se jsir żgass ieħor ġewwa residenza oħra fejn jgħixu persuni innoċenti, li jsiru vittmi ta’ azzjoni, trawma u ħsara li ssir abbażi ta’ informazzjoni ħażina?

Il-Ministru għall-Intern u l-Kummissarju tal-Pulizija għandhom ħafna xi jwieġbu. Il-Partit Nazzjonalista jaf li, għal darba oħra, b’xi mod, dawn se jfarfru mir-responsabbiltà tagħhom dwar dawn il-każijiet li qed joħolqu iktar vittmi.

Il-Partit Nazzjonalista juri solidarjetà mal-vittmi u mal-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija li qed jitpoġġew f’sitwazzjoni skomda minħabba nuqqasijiet kbar mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.