Lokali

Il-priġunieri ilhom is-snin bl-istess żewġ tibdiliet mherrija u kuljum jieklu l-istess platt ikel

Is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ma’ kull jum li jgħaddi, qed tiddeterjora dejjem aktar – tant li l-priġunieri qed jispiċċaw joħorġu aktar milli jkunu daħħlu.

Il-ħabs f’pajjiżna dejjem kellu l-għan li jgħin lill-priġunieri joħorġu riformati wara s-sentenza mill-Qorti li jkunu ngħataw. Iżda, fl-aħħar snin rajna priġunieri li mhux talli ma joħorġux riformati, talli pajjiżna għandu l-akbar ammont ta’ priġunieri riċedivi madwar l-Ewropa kollha. Apparti l-fatt li l-ħabs spiċċa mifni b’ammonti kbar ta’ drogi.

Mill-ħabs, il-priġunieri stess qed jirrakkontaw kif qed jiġu trattati agħar minn annimali; platt ikel li jum wara l-ieħor dejjem ikun l-istess tant li wħud mill-priġuniera saħansitra qed jitilfu s-sens ta’ togħma.

“L-ikel dejjem l-istess,” qal il-priġunier. “Hawn min tilef is-sens ta’ togħma. M’għadux itihem l-ikel. L-Isptar qalulu li ma jistgħu jagħmlulu xejn.”

U dan apparti n-nuqqas ta’ iġene tant li ż-żewġ tibdiliet li l-priġunieri jingħataw ikollhom jagħmlu bihom is-snin – tant li qed jispiċċaw jitherrew fuqhom.

“Ili sena u 4 xhur bl-istess żewġ tracksuits tant li therrew,” qal il-priġunier. “Tlabthom ibidluhomli imma ma jridux.”

Kien quddiem dan il-fatt li dan il-priġunier talab għal riforma u investiment li l-ħabs tant jeħtieġlu.

“Hemm bżonn ta’ investiment fil-ħabs,” qal il-priġunier. “Investiment mhux fl-uniformi tal-uffiċjali jew overtime, imma fil-priġuniera li joħorġu minn hemm irriabilitati u mhux priġuniera li 60% huma riċedivi. L-ikbar ammont ta’ riċedività fl-Ewropa.”