Illum se jsir il-funeral ta’ Monsinjur Emmanuel Curmi, fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Fontana. Id-Djoċesi ta’ Għawdex qalet li Mons Curmi, li miet il-Ħadd fl-età ta’ 87 sena, “kien l-aktar qaddej impenjattiv tal-Imgħallem Divin u pijunier fl-opri ta’ karità mwettqa fid-Djoċesi tagħna, fost oħrajn bħala Direttur tal-Caritas kif ukoll fundatur u Direttur ta’ Dar Arka.”
Il-Funeral tiegħu se jsir fl-4pm, fis-Santwarju Parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana, immexxi mill-Isqof Anton Teuma. Dun Manwel Curmi, kien li waqqaf Fondazzjoni Arka f’Għawdex, ħalla din id-dinja nhar il-Ħadd fl-età ta’ 87 sena.
Il-Fondazzjoni tmexxi residenza f’Għajnsielem li toffri serħan lill-persuni b’diżabbiltà u lill-familji tagħhom. Kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex. Il-Fondazzjoni Arka, li ħabbret il-mewt tiegħu, qalet li Curmi qatta’ ħajtu jaħdem biex ineħħi l-istigma marbuta mad-diżabbiltà.
Il-Fondazzjoni qalet li ħadem bil-kwiet u mingħajr daqq ta’ trombi. Il-Bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat, fejn serva għal xi żmien, qalet li Curmi kien magħruf għax-xogħol ta’ karità tiegħu, u l-parir espert tiegħu dejjem kien imfittex.
//= $special ?>