Toni Bezzina, PN
Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina appella fil-Parlament biex il-gvern jassigura li l-kors tal-veterinarji li se jsir jirnexxi.
Toni Bezzina qal li sentejn u nofs ilu kienet qamet l-issue dwar nuqqas ta’ veterinarji tal-irziezet u sostna li fil-bidu l-gvern kien qal li ma kienx hawn riżorsi biex isir dan il-kors. Id-deputat Nazzjonalista qal li minkejja li dan il-kors se jibda, qed iqumu diversi mistoqsijiet dwar l-importanza tal-warrant lill-istudenti biex dawn jipprattikaw barra minn Malta.
Id-deputat Nazzjonalista qal li jispera li kienu aċċettati 8 student biss għall-kors ta’ veterinarju għax dawn biss issodisfaw ir-rekweżiti tad-dħul u mhux għax hemm xi limitazzjoni ta’ kemm studenti jiġu aċċettati biex jattendu għal dan il-kors.
Toni Bezzina kkritika lill-gvern għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni li juri u staqsa jekk il-gvern iddiskutiex mal-Assoċjazzjoni tal-Veterinarji u x’inhi r-raġuni għaliex il-kors ma jkoprix ukoll il-kirurġija. Hu kkritika l-għeluq tal-Isptar tal-Annimali u staqsa kif l-istudenti se jagħmlu prattika meta dan l-isptar hu magħluq. Id-deputat Nazzjonalista staqsa kif se tkun il-kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Univeristà Spanjola.
//= $special ?>