Raġel ta’ 43 sena akkużat li pprova jagħti daqqiet ta’ sikkina lil żewġt ibniet tal-eks sieħba tiegħu, ingħata l-ħelsien mill-arrest. Nazzareno Dalli, magħruf bħala Ronald, qed iwieġeb mhux ħati li fid-9 ta’ Marzu pprova joqtol lit-tfajliet ta’ 12 u 15-il sena f’dar fi Triq San Tumas, fil-Marsa.
L-iżgħar tfajla baqgħet ħajja b’mod mirakoluż wara li ngħatat 16-il daqqa ta’ sikkina u tilfet 40% ta’ demmha fl-attakk. Oħtha l-kbira ħarbet bi ġrieħi ħfief wara li rnexxielha taħrab mill-attakkant u staħbiet fuq il-bejt.
Sagħtejn qabel, huwa kien poġġa ritratti fuq Facebook, b’titlu bil-kelma “vendetta”. Il-libertà proviżorja ingħatat għal Dalli wara li l-Qorti ntqal li kien hemm “titjib kbir” fl-imġiba tiegħu fil-ħabs. Dalli, li kien ilu f’relazzjoni ta’ tliet snin ma’ omm it-tfajliet, kien qatta’ l-lejl ta’ qabel l-allegat attakk, mal-ħbieb.
Huwa kien qed jixrob u jieħu d-droga u qal lill-Pulizija li ma ma jiftakar xejn fuq l-inċident vjolenti. Iktar tard qal lill-Pulizija li kien iħobb lit-tfal tal-eks sieħba tiegħu “qishom tiegħu.” Fl-aħħar żewġ seduti fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ rappreżentant tal-Caritas, uffiċjal tal-ħabs, u l-uffiċjal tal-probation li qed jimmonitorja lil Dalli, il-psikologu tal-ħabs u assistent tal-psikoloġija mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-avukati tal-akkużat argumentaw li xhieda ċivili kienu xehdu, meta għamlu l-każ tagħhom għall-ħelsien mill-arrest. Barra minn hekk, ix-xhieda indikaw li l-imġiba ta’ Dalli tjiebet ħafna u kien lest li jaċċetta l-għajnuna.
Id-difiża talbet lill-Qorti timponi kundizzjonijiet li jiżguraw li l-akkużat ikompli jirċievi dik l-għajnuna barra l-ħabs. Fid-dawl ta’ tali provi u sottomissjonijiet, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia laqgħet it-talba, u ordnat lill-imputat biex ma javviċina l-ebda xhieda tal-prosekuzzjoni.
Dalli kien ordnat jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa, li josserva curfew bejn l-10pm u s-6am, iħalli depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huwa mifhum li l-Avukat Ġenerali se jkun qed jappella din id-deċiżjoni biex jitlob l-arrest mill-ġdid tal-akkużat.
L-avukati Franco Debono, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud huma avukati difensuri.
//= $special ?>