Janice Chetcuti, PN
Ix-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Ħarsien tal-Animali Janice Chetcuti insistiet fil-Parlament biex l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali jerġa’ jinfetaħ immedjatament.
Janice Chetcuti qalet li l-Isptar tal-Annimali ilu magħluq 14-il xahar bil-gvern ma jiddikjarax meta se jiftaħ u jgħid li dan se jiftaħ fiż-żmien li ġej.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li ħafna nies qed isibu dan il-post magħluq meta huma jkollhom bżonn. Dan l-isptar kien ħolma ta’ Gvern Nazzjonalista iktar minn 13-il sena ilu proprju għax inħass il-bżonn li jkun hawn sptar tal-annimali. Kien għalhekk li nbena ċ-Ċentru San Franġisk biex joffri servizzi 24 siegħa kuljum b’mod immedjat lil annimali li jkunu fil-bżonn ta’ trattament. Dan kien l-uniku sptar liċenzjat biex jopera u kien kbir biżżejjed biex fih ikun hemm spazju għall-iżolament tal-annimali.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li familji sabu problemi għaliex l-annimali tagħhom ma setgħux jingħataw dan is-servizz bil-konsegwenza li ntilfu ħafna annimali. Dan seħħ ukoll minħabba li mhux dejjem kien hemm il-possibbiltà li nstabu kliniċi oħra adatti.
Janice Chetcuti qalet li problema oħra proprju hi ta’ nies li jkollhom emerġenza bl-annimali iżda ma jsibux kliniċi jew postijiet fejn jitrattaw lill-annimali tagħhom. Hi sostniet li l-isptar jinsab fi stat abbandunat u qed jiddeterjora ma’ kull ġurnata li jitħalla abbandunat. Il-gvern qed iġib l-iskuża li dan seħħ minħabba inċident tad-dawl.
Id-deputat Nazzjonalista appellat biex jibda wkoll il-kors ta’ veterinarju f’Novembru, b’massimu ta’ tmienja. Hi staqsiet x’se jsir mill-istudenti li kienu se jmorru barra u kienu se jingħataw sponsor, u jekk dawn hux se jibqgħu jingħataw l-isponsor.
Janice Chetcuti qalet li hemm elementi pożittivi fil-ħidma tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u appellat li l-impjegati f’dan id-Direttorat ikunu jħobbu l-annimali. Jeħtieġ li l-liġijiet ikunu infurzati, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-gvern qed juri żewġ uċuħ dwar l-annimali fejn jgħid biex ma jinxtrawx annimali, iżda fl-istess waqt qed jgħid li s-sidien ta’ 19-il razza ta’ klieb differenti li se jkunu mmultati. Dan mill-1 ta’ Jannar 2025, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li staqsiet x’se jsir mill-annimali li mhumiex puri. Hi qalet li mhux qed isir infurzar tal-micro-chipping u sostniet li għadu ma sar l-ebda xogħol fis-santawarji.
Għad m’hemm l-ebda linja mill-istrateġija nazzjonali li kienet imwiegħda, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li l-post fejn se jsir iċ-ċimiterju tal-annimali kien identifikat 14-il sena ilu.
//= $special ?>