Sport

Marsa St Michael’s u Valletta St Paul’s jirreġistraw rebħiet kbar

Marsa St Michael u Valletta St Paul’s irreġistraw rebħiet kbar fit-tielet ħarġa tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA.

Iċ-champions Valletta St Paul’s iddominaw il-konfront kontra San Ġwann Pro Evolution Academy tant li rebħu bl-iskor ta’ 4-0. Il-Beltin skorjaw żewġ gowls f’kull taqsima sabiex b’din ir-rebħa laħqu lil Għaxaq Wolves f’ras il-klassifika.

Elton da Silva poġġa lit-tim mill-kapitali minn fuq fid-19-il minuta sabiex Gary Tanti irdoppja l-iskor tliet minuti wara. Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel hekk kif Lucas dos Santos skorja t-tielet gowl u Matheus Verissimo ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.

Referee kien Peter Abela.

Xalata ta’ gowls

Anke Marsa St Michael’s ixxalaw u għelbu lil Mqabba Albions 6-1 sabiex irritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Valletta St Paul’s.

Il-Marsin kienu diġà 3-0 minn fuq hekk kif Shawn Vella skorja doppjetta b’Oussama Boutayeb li għamilhom tlieta, ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima, Marsa St Michael skorjaw tliet gowls oħra permezz ta’ doppjetta ta’ Nikola Neskovic u gowl ieħor ta’ Lamin Jaiteh. Mqabba naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Calvin Agius.

Referee kien Sillah Alhasana.

It-tieni diviżjoni

Fit-tieni diviżjoni, Valletta Stars St Dominic telgħu fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbu lil Żebbuġ Youngters 4-0. Il-Beltin kienu diġà 4-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima sabiex fit-tieni 35 minuta, huma kkontrollaw is-sitwazzjoni u ħarġu bit-tieni rebħa staġjonali. L-eroj tal-Beltin kien Miguel Peresj li skorja doppjetta personali filwaqt li Fedelelo Marsne u Klajdi Qose ssiġġillaw ir-rebħa finali.

Referee kien Jules Ngangue.

Draw pjaċevoli

Birżebbuġa St Peter’s u Senglea Gunners temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw pjaċevoli ta’ 1-1. Dan id-draw ftit biddel is-sitwazzjoni fil-klassifika taż-żewġ timijiet, b’Birżebbuġa li baqgħu l-ewwel b’punt vantaġġ fuq it-tliet timijiet fit-tieni post.

Nenad Stanic poġġa lis-Sengleani minn fuq fit-12-il minuta wara li bir-ras għeleb lil Darren Abela Tabone. Birżebbuġa ġabu l-iskor indaqs fil-31 minuta b’azzjoni insistenti ta’ David Chidera Ejiofor li ntemmet bix-xutt tiegħu jispiċċa ġewwa. Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet tkun bilanċjata iżda ħadd miż-żewġ timijiet ma rnexxielu jsib ix-xibka.

Referee kien Paul Apap.

It-tielet diviżjoni

Fit-tielet diviżjoni, Swieqi United AFC komplew jiddominaw il-kampjonat meta kisbu rebħa kbira ta’ 6-0 kontra Naxxar Victorians. Huma għandhom punti massimi minn tliet logħbiet u diġà seba’ punti vantaġġ fuq it-tieni tim.

Arthur Sultana poġġa lil Swieqi minn fuq fis-7 minuta sabiex l-aqwa skorer tal-kampjonat, David Akindelle, għamilhom 2-0 mal-kwarta logħob. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Iilius Offorzor skorja t-tielet gowl. Fit-tieni taqsima, Joao Aleya, Arthur Santana u Yunnis Palacios għamlu l-iskor wieħed tennistiku għal Swieqi.

Referee kien Alex Grech.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves, Valletta St Paul’s 9, Balluta Barracudas, Marsa St Michael’s 6, San Ġwann Pro Evolution Academy, San Ġiljan Saints, Ta’ Ġiorni Wanderers 1, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIENI DIVIŻJONI

Birżebbuġa St Peter’s AFC 5, Valletta Stars St Dominic, Żebbuġ Youngsters, Ħamrun Amateurs, Senglea Gunners 4, Gudja Wanderers, Attard Edex Kings 3, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 9, Naxxar Victorians 2, St Paul’s Bay NMFC, Qajjenza AFC 1, Mosta Vikings 0.