Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Għexieren ta’ mejtin, inklużi tfal, fost l-offensiva ta’ Iżrael

Tal-anqas 100 Palestinjan inqatlu jew spiċċaw irrappurtati nieqsa wara li l-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael ikkonċentraw sensiela ta’ attakki fuq il-bażijiet tat-terroristi tal-Ħamas, fil-belt ta’ Beit Lahia, lejn it-Tramuntana ta’ Gaza.

Il-missili laqtu bini residenzjali għolja ħames sulari u fl-aħħar sigħat, l-iskwadri għall-emerġenzi u l-voluntiera kienu qed joħorġu l-vittmi – inklużi tfal – minn qalb it-tifrik u jqegħduhom – imgeżwrin fil-lożor fit-triq fost ix-xeni ta’ disprament kbir.

Ma kenux magħrufa ħafna dettalji dwar l-attakk u meta l-qawwiet Iżraeljani fil-preżent qed iwettqu offensiva fuq il-Ħamas li mill-ġdid qed jorganizza ċ-ċentri tal-kmand tiegħu f’Beit Lahia u madwar.

It-tobba fl-isptar ta’ Kamal Adwan, fil-belt ta’ Jabalia, qal li ħafna tfal fost il-midruba ttieħdu lejn il-kumpless li hu nieqes mit-tagħmir u l-istafff biex jitratta l-pazjenti.

Dan meta l-qawwiet tal-art u tal-ajru ta’ Iżrael baqgħu jwettqu l-azzjonijiet fit-Tramuntana ta’ Iżrael – u b’mod partikulari fiz-zoni ta’ Jabalia, Beit Lahia u Beit Hanoun.

L-Iżraeljani qed jinsistu li t-terroristi tal-Ħamas qed jirrepetu t-tattika li jinfiltraw il-popolazzjoni ċivili f’Beit Lahia u bnadi oħra ta’ Gaza. Dan waqt li t-terroristi qed jużaw ir-residenti tal-familji u bini oħrajn għal skopijiet ċivili bħala bażijiet għall-attakki fuq is-suldati.

L-aħħar rapporti tal-Iżraeljani qalu li l-militar tagħhom, proprju llum, elimina madwar 40 terrorista waqt il-battalji mal-Ħamas, f’Jabalia. Inqatlu wkoll diversi terroristi oħra fiċ-Ċentru ta’ Gaza u fost rapporti li wħud minnhom kienu qed jippruvaw iqiegħdu l-isplussivi qrib it-truppi ta’ Iżrael.

Intant, ir-residenti fl-artijiet ta’ Gaza lejn it-Tramuntana qed jiffaċċjaw kriżi umanitarja kbira, bil-mijiet tal-eluf tal-Palestinjani qegħdin jgħixu fl-aktar kundizzjonijiet iddisprati.

Dan meta Volker Türk, l-Uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mill-ħarsien tad-Drittijiet Umani, qal li l-militar Iżraeljan baqa’ jinsisti b’kampanja ta’ bumbardamenti bla heda fuq poplu li qed jgħix minn jum għal jum waqt li jbati min-nuqqasijiet tal-ikel u affarijiet oħra essenzjali.

Fl-istess ħin, Volker qal li huma ‘inaċċettabbli’ r-rapporti li l-Ħamas u militanti Palestinjani oħrajn qed jinfiltraw il-komunitajiet taċ-ċivili u jipperikolawlhom ħajjithom waqt il-konflitt ma’ Iżrael. Kien anki kundannat il-fatt li l-Ħamas qed iwettqu l-azzjonijiet minn qalb ix-xelters għar-refuġjati Palestinjani.