Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit illiberat raġel li ma nstabx ħati li wettaq atti sesswali man-neputija wara li l-maġistrat li semgħet il-każ u ma emmnitx il-verżjoni tat-tifla. Ir-raġel, li ismu mhux jissemma’ biex tiġi protetta l-familja, kien akkużat li wettaq atti sesswali fl-2019 meta n-neputija tiegħu kellha disa’ snin.
Ir-raġel spiċċa interrogat mill-Pulizija wara li l-Aġenzija Appoġġ irrappurtat il-każ. Meta l-Pulizija kellmu lit-tifla quddiem ommha u l-ħaddiema soċjali, qalet li kienet abbużata tliet darbiet minn nannuha u li dan l-abbuż kien seħħ fid-dar tiegħu.
Ir-raġel ċaħad mill-ewwel dawn l-allegazzjonijiet. Fil-Qorti t-tifla xehdet ukoll li s-sieħeb ta’ nannitha kien ukoll imiss il-parti privata tiegħu magħha. Qalet li wara li dan seħħ tliet darbiet, informat lill-ġenituri dwar dak li ġara mbagħad bdiet tmur għand psikologa.
Ommha qalet li ma emmnitx il-verżjoni ta’ bintha u sostniet li bintha għandha ħabta tħarref. Psikoterapista li rat lit-tifla xehdet li din qatt ma semmitilha li r-raġel kien wettaq atti sesswali magħha. Ħaddiema soċjali qalu li t-tifla qaltilhom li n-nannu tar-rispett tagħha kien mess il-parti privata magħha.
Is-sieħba tal-akkużat, jiġifieri n-nanna tat-tifla, qalet li t-tifla tkun trid l-attenzjoni fuqha. Fix-xhieda tiegħu l-akkużat, li jaħdem bħala xufier tal-minibus, ċaħad li wettaq l-allegat abbuż. Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li ma hemmx provi tanġibbli u konkret li l-akkużat wettaq l-abbuż sesswali.
Hija qalet li l-każ jistrieħ kompletament fuq il-kredibilità tat-tifla u ddeskriviet ix-xhieda tagħha bħala waħda inkonsistenti. Il-Maġistrat Stafrace Zammit irrimarkat li r-rapport magħmul mill-omm lill-Aġenzija Appoġġ dam sena biex ittieħed azzjoi dwaru.
Il-Qorti tinsab ferm diżappuntata li każ bħal dan ma ttiħditx azzjoni immedjatament u tħeġġeġ lill-istess Aġenzija sabiex f’każijiet futuri ma jkunx hemm l-istess tip ta’ dewmin u dan sabiex anke l-Pulizija tkun tista’ tiġbor il-provi neċessarji u tersaq viċin il-verità mingħajr dewmien inutli.
Waqt li tenniet li ma temminx il-verżjoni tat-tifla, il-Maġistrat Strafrace Zammit ħeġġet lill-ġenituri tat-tifla biex jagħmlu ħilithom u jindirizzaw il-problema ta’ komunikazzjoni li hemm eżistenti fid-dinamika tal-familja u saħqet li ma jistax ikun li tifla ta’ 9 snin titħalla waħeda b’xejn ħlief il-mezzi soċjali f’idejha.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li ma sabitx lir-raġel ħati tal-akkuża miġjuba kontrih.
L-Ispettur Joseph Busuttil li investiga l-każ, mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>