Lokali Parlament

Miżuri ta’ sigurtà ġodda fl-Istrangers Gallery


Wara l-inċidenti li ġraw fil-Parlament ilbieraħ fl-Istrangers Gallery minn attivisti tal-Moviment Graffitti fil-bidu tad-diskors tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fil-budget, l-Ispeaker ħabbar li se jkunu itensifikati l-miżuri ta’ sigurtà fl-Istrangers Gallery u m’eskludiex li din tista’ anki tingħalaq għall-pubbliku jekk ikun hemm inċidenti simili.

Kien fis-seduta parlamentari tal-bieraħ meta membri tal-Moviment Graffiti li kineu fl-Istrangers Gallery ħarġu strixxun ta’ protesta u bdew jgħajtu kliem ta’ protesta dwar is-sitwazzjoni ambjentali fil-pajjiż. Dan wassal biex il-Ministru Caruana kellu jieqaf mid-diskors tiegħu u l-Kamra kellha tkun sospiża għal xi ħin. Impjegati tal-Parlament ipprovaw iwaqqfu lill-membri ta’ Graffiti milli jkomplu bil-protesta tagħhom.

Dwar dan l-inċident, l-Ispeaker Anġlu Farrugia llum ta ruling li fih qal li s-Sedje tikkundanna l-inċidenti minn attivisti ta’ Grafftti li seħħu fil-Parlament ilbieraħ. Jirriżulta li, biex daħlu fl-Istrangers Gallery, l-attivisti kienu qalu li huma studenti tal-MCAST biex kisbu aċċess għall-Istrangers Gallery. L-Ispeaker qal li dawn l-attivisti kellhom wiċċhom mgħotti b’maskri u m’obdewx l-ordinijiet tal-Ispeaker li ta l-kawtela lill-pubbliku fl-Istrangers Gallery qabel il-Ministru tal-Finanzi beda d-diskors tiegħu.

L-Ispeaker kompla li l-persuni kisru wkoll l-ordnijiet tas-Sedja u l-Ordnijiet tal-Kamra u sostna li minkejja li sar l-iscreening fuq il-persuni, ċertu oġġetti li dawn l-attivisti daħlu ma mmarkawx fil-proċess ta’ screening għaliex ma kienx hemm armi jew xi oġġetti tal-metall fil-basktijiet li kellhom magħhom. Uffiċjali tal-Parlament weġġgħu b’mod ħafif meta pprovaw iwaqqfu lil dawn l-attivisti fl-Istrangers Gallery.

L-Isepaker qal li wara dan l-inċident se jkunu riveduti r-regoli dwar il-persuni li jidħlu fl-Istrangers Gallery u se jiddaħħlu strutturi fuq il-bażi tal-Parlament Ingliż. Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal li kull persuna li se jidħol fl-Istrangers Gallery irid isegwi l-proċeduri normali iżda issa trid tħalli l-mobile phone u xi bakstijiet mal-Pulizija u jeħduhom wara li l-persuna toħroġ mill-gallerija. L-Ispeaker ma eskludiex li l-Istrangers Gallery tingħalaq jekk ikun meħtieġ. Dak li wettqu l-membri ta’ Graffitti jmur kontra l-Ordinijiet tal-Kamra, sostna l-Ispeaker, li kompla li dan il-każ għandu jkun trattat mill-Kumitat tal-Privileġġi.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar wera solidarjetà mal-membri tal-istaff tal-Parlament li weġġgħu f’dan il-każ u esprima apprezzament għall-ħidma li huma jwettqu. Il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia esprimiet l-istess sentimenti f’isem il-gvern.