Futbol Sport

Napoli jestendu l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika b’rebħa importanti fuq Milan

(Ritratt: EPA)

Napoli kisbu rebħa kruċjali f’ San Siro hekk kif għelbu lil Milan bl-iskor ta’ 2-0, biex b’hekk komplew ikabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika, hekk kif wara 10 partiti għandhom total ta’ 25 punt, 7 punti iktar minn Inter fit-tieni post.

I Partenopei fetħu l-iskor wara biss 5 minuti logħob permezz ta’ konklużjoni tajba tal-attakkant Romelu Lukaku mill-assist vertikali ta’ Anguissa. Romelu Lukaku jkompli l-forma tajba fil-kampjonat u taħt it-tmexxija ta’ Antonio Conte jiskorja r-raba’ gowl fis-Serie A dan l-istaġun.

Napoli rdoppjaw l-iskor fit-43 minuta permezz ta’ Khvicha Kvaratskhelia b’azzjoni personali fejn qabeż lil Royal u lil Fofana mix-xellug u kkonkluda bis-saħħa fir-rokna tal-lemin, bil-goalkeeper Maignan ma jkollu l-ebda ċans li jintervjeni.

Bologna ħadu t-tieni rebħa staġjonali hekk kif għelbu lil Cagliari barra minn darhom bl-iskor ta’ 2-0.

L-istilla tat-tim, Riccardo Orsolini, fetaħ l-iskor l-ewwel wara 35 minuta, kien l-ewwel pass ta’ Ndoye li wasal għand Castro li daħal fil-kaxxa b’inżeriment tajjeb u lagħab għal darb’oħra lil Ndoye bil-ballun jasal eventwalment għand Orsolini max-xellug li ma jiżbaljax b’xutt mal-ewwel lasta.

Bologna rdoppjaw l-iskor fil-51 minuta permezz ta’ Jens Odgaard mill-assist ta’ Jhon Lucumi.

Anke Lecce ħadu t-tieni rebħa staġjonali hekk kif għelbu lil Hellas Verona bl-iskor minimu ta’ 1-0.

Lecce ħasbu li fetħu l-iskor wara biss 21 minuta logħob meta l-istilla tat-tim Patrick Dorgu xeħet ġewwa mill-viċin, madankollu wara kjarifika mal-VAR ir-referee ħassar il-gowl u saffar foul għal Verona hekk kif kien hemm foul kommess minn l-istess Dorgu fl-azzjoni tal-gowl.

L-isfortuna bdiet tikber għal Verona hekk kif temmew l-ewwel taqsima b’raġel inqas meta fl-40 minuta tkeċċa direttament Tchatchoua hekk kif ikkommetta foul fuq l-attakkant Dorgu hekk kif kien qiegħed javvanza waħdu lejn il-lasti ta’ Verona.

Il-gowl deċiżiv wasal fil-51 minuta meta Lecce kkapitilizzaw fuq il-vantaġġ numeriku permezz tal-istess Patrick Dorgu, li din id-darba jiskorja gowl validu. Ir-referee Mariani inizjalment ħassar il-gowl minħabba offside, madankollu d-deċiżjoni tal-VAR tkun waħda kontra u l-gowl ikun validu.

SERIE A
Illum
Cagliari v Bologna 0-2
Lecce v Verona 1-0
Milan v Napoli 0-2
Għada
Empoli v Inter 6:30pm
Venezia v Udinese 6:30pm
Atalanta v Monza 8:45pm
Juventus v Parma 8:45pm
Il-Ħamis
Genoa v Fiorentina 6:30pm
Como v Lazio 8:45pm
Roma v Torino 8:45pm