Lokali

Residenti fl-Iklin jispiċċaw b’ilma kontaminat bl-amonia

Mill-Ħamis filgħaxija, numru ta’ residenti li joqogħdu l-Iklin, spiċċaw bl-ilma tal-vit tagħhom b’riħa qawwija ta’ kimiċi u dranaġġ … u bi traċċi ta’ amonia.

Persuna li tkellmet ma’ Net News b’mod anonimu spjegatilna kif ir-residenti ta’ din il-lokalità ċemplu lill-Water Services. U malli raw x’qed jiġri, il-ħaddiema ta’ din il-Korporazzjoni pprovaw jarmu l-ilma kontaminat ‘il barra mis-sistema.

Sat-Tnejn, dan l-ilma baqa’ jintrema fit-triq… indikazzjoni ċara li l-Water Services taf li hemm problema serja.

Ir-residenti kkuntatjaw ukoll lid-Dipratiment tas-Saħħa li minn naħa tagħhom għamlu diversi testijiet fid-djar ta’ dawn ir-residenti.

Resident li tkellem ma’ Net News spjega kif minkejja li ntbagħtu tankijiet bl-ilma u l-kwalità tjibiet xi ftit, l-ilma xorta waħda baqa’ b’riħa tinten ferm.

Intant, ir-residenti spjegaw kif l-appliances ikollhom ukoll bżonn jitnaddfu.

Ir-residenti tal-Iklin mhumiex l-uniċi li qegħdin jilmentaw b’ilma mhux nadif, hekk kif persuna oħra,  kitbet fuq il-midja soċjali li f’Ħal Qormi wkoll hemm problema ta’ ilma mhux nadif u li mhux tajjeb biex ir-residenti jsajru, u jaħslu.

B’din l-istess persuna li għandu kit li bih jista’ jiċċekkja l-ammont ta’ klorin fl-ilma, jgħid li l-ilma tal-vit fih id-doppju kolrin ta’ kemm hu rakkomandat.