L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kampanja BOV Piggy Bank għall-Istrina tnediet uffiċjalment minn Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Kenneth Farrugia.
L-idea wara l-kampanja ta’ din is-sena hija li jintużaw ferm inqas Piggy Banks mis-soltu. Madankollu, xorta se jkunu involuti l-iskejjel primarji u sekondarji kollha madwar il-gżejjer Maltin. Il-piggy banks li qed ikunu mżanżna din is-sena jistgħu jintużaw aktar minn darba u b’hekk il-kampanja se tkun qed tiġġenera ħafna inqas skart, filwaqt li twassal ukoll għarfien dwar il-ħarsien ambjentali.
Il-Bank of Valletta jieħu l-impenn tiegħu lejn il-prinċipji tal-ESG b’serjetà kbira. B’hekk il-Bank qed ifittex li l-materjal użat tul din il-kampanja jkun jiġbed l-għajn mil-lat estetiku, imma fl-istess ħin iħares l-ambjent naturali tagħna.
ll-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia kkummenta li din hija l-21 sena konsekuttiva li l-Bank of Valletta qed jingħaqad mal-Malta Community Chest Fund biex jorganizza l-Kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank. Matul dawn is-snin, il-fondi miġbura mit-tfal tal-iskola permezz ta’ din il-kampanja u d-donazzjonijiet tal-Bank qabżu t-€3 miljun. Minbarra mill-appoġġ finanzjarju, il-Bank of Valletta jagħti l-appoġġ tiegħu lill-MCCF, bid-disinn u l-ħolqien tal-karusijiet, kif ukoll fil-proċess ta’ wara li jivolvi l-għadd tal-muniti miġbura.
“Sa mill-bidu nett, l-għan ta’ din il-kampanja, kien li titqajjem kuxjenza akbar dwar is-solidarjetà u l importanza li ngħinu lil min hu fil-bżonn qalb il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Barra minn hekk, il-kampanja kienet intiża biex tgħin fil-ġbir tal-fondi tant meħtieġa biex il-Malta Community Chest Fund tkompli fil-missjoni tagħha li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-kura ta’ dawk fil-bżonn,” temm jgħid Farrugia.
Il-President ta’ Malta Spiteri Debono stqarret li, apparti l-għan ewlieni li jinġabru fondi għal min hu fil-bżonn, din il-kampanja tgħin ukoll biex jiġi ffurmat il-karattru tat-tfal, billi niżirgħu fihom il-valuri tal-ġenerożità u l-altruwiżmu. Waqt li kienet qed tindirizzata lill-familjari u lill-għalliema tal-istudenti, il-President ħeġġithom biex jispjegaw lit-tfal dwar is-sinifikat li hemm wara l-ġest ta’ għajnuna tagħhom, irrispettivament mill-ammont li jistgħu jikkontribwixxu.
Taħt il-mandat tal-aħħar ħames Presidenti ta’ Malta, din il-kampanja baqgħet għaddejja, mingħajr ma naqset fil-popolarità tagħha. Għalkemm sena wara l-oħra, l-għan ewlieni ta’ din il-kampanja jibqa’ l-istess, din l-inizjattiva tipprova dejjem tiġbed aktar studenti biex toħloq sens akbar ta’ komunità u ta’ benesseri madwar il-gżejjer tagħna.
Il-fondi miġbura permezz ta’ din il-kampanja, flimkien ma’ donazzjoni ġeneruża mill-Bank of Valletta, se jiġu ppreżentati waqt ix-xandira diretta tal-Istrina fis-26 ta’ Diċembru 2024.
//= $special ?>