Sport

GREE Żurrieq Wolves Hotsticks jirreġistraw l-ewwel rebħa fiċ-Challenge Cup

GREE Żurrieq Wolves Hotsticks kisbu l-ewwel rebħa fiċ-Challenge Cup wara li għelbu lil White Hart 11-0.

Kif mistenni ż-Żrieraq ħarġu mill-ewwel fuq l-attakk u sal-ewwel żewġ quarters kienu diġa’ 4-0 minn fuq. Huma baqgħu jiskorjaw bi Christ Agius ta’ ispirazzjoni għat-tim tiegħu meta skorja tliet gowls. Gary Bonnici skorja doppjetta filwaqt li Charlo Sammut, Keith Scicluna, Kurt Bonnici, Lucas Plaehn, Alessandro Amore u Silas Plaehn għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

L-umpires kienu Karl Chircop u John Williams.

Sadanittant il-logħba bejn Qormi Daikin u Floriana Young Stars ġiet posposta għal data oħra li għad trid titħabbar.

Intlagħbu wkoll żewġ partiti mill-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena fejn f’partita mill-isbaħ Marsaskala Heat għelbu lil Floriana Young Stars 4-3. Jamie Gambin skorja doppjetta filwaqt li Braylon Gatt Gellel u awtogowl issiġillaw ir-rebħa għall-Iskalin. Il-Furjaniżi skorjaw permezz ta’ doppjetta ta’ Luke Pisani u gowl ieħor ta’ Dean Spiteri.

L-umpires kienu Oscar Toledano u John Williams.

Finalment mill-istess kompetizzjoni, Qormi Daikin għelbu lil GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 4-1. Zackary Farrugia kien awtur ta’ doppjetta għal Qormi filwaqt li Carl Vergnaud u Ben Falzon komplew jiskorjaw għat-tim tagħhom. L-uniku gowl taż-Żrieraq ġie skorjat minn Leon Falzon.

L-umpires kienu Oscar Toledano u Karl Chircop.