“Il-budget 2025 m’offra l-ebda soluzzjonijiet għall-problemi li qed jaffaċċja l-poplu anzi kien hemm ammissjoni ċara li l-Gvern ta’ Robert Abela se jkompli jżid il-problemi li ħoloq hu stess.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu l-Erbgħa waranofsinhar fuq Net FM fejn sostna li l-Budget li ġie ppreżentat it-Tnejn li għadda m’offra l-ebda soluzzjoni.
Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa dipendenti fuq iż-żieda tal-popolazzjoni minkejja li kemm il-Korpi Kostitwiti kif ukoll il-Partit Nazzjonalista appellaw għal bidla fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa kompletament maqtugħ mir-realtà kif ukoll li għal darba darbtejn inqabad li qed jigdeb mal-poplu Malti u Għawdxi. Hawnhekk, huwa tkellem dwar id-drenaġġ fl-ibħra Maltin – mossa li ġiet ikkundannata anke mill-Qorti Ewropea b’Robert Abela jibqa’ jgħid li mhuwiex minnu.
B’rabta maż-żieda ta’ sena sabiex wieħed ikun jista’ jieħu l-pensjon,i Bernard Grech aċċenna li minkejja l-isplużjoni fil-popolazzjoni l-poplu se jkollu jaħdem sena żejda għall-pensjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li issa l-Gvern ta’ Robert Abela se jisraq sena pensjoni dan filwaqt li xorta waħda se nkomplu nħossu l-effetti tal-popolazzjoni.
Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa inaċċettabbli li għal sena oħra l-COLA se tkun intaxxata b’mod speċjali meta għal darb’oħra l-Korpi Kostitwiti kollha qablu li din m’għandix tkun intaxxata.
Intant, b’rabta mal-Kunsill Ġenerali bit-tema Malta Żagħżugħa, Bernard Grech qal li se jiġi diskuss il-problemi ċentrali tal-pajjiż kif ukoll il-bżonnijiet, fost l-oħrajn li jkun hemm investiment serju f’numru ta’ setturi bil-għan li pajjiżna verament jimxi ‘l quddiem.
L-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali se ssir nhar il-Ħadd li ġej f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan.
//= $special ?>