Il-Bank of Valletta qed jaħdem biex ikompli jtejjeb l-esperjenza tal-klijent u s-servizz offrut mill-fergħat filwaqt li se jkun qed jaħdem fuq proġett pilota minn xi fergħat sabiex eventwalment ikompli jissaħħaħ is-servizz fix-xhur li ġejjin.
Dan it-tibdil jinkludi segregazzjoni tal-fergħat f’reġjuni differenti, b’kull reġjun ikollu fergħa meqjusa bħala waħda ewlenija li minnha jiġu offruti s-servizzi kollha, u fergħat oħra satellitari li jiffukaw iżjed fuq servizzi personalizzati mfassla skont il-ħtiġijiet tal-klijenti. Minn kull reġjun se jibqgħu jiġu offruti servizz ta’ prijorità għall-anzjani, u qed tiġi introdotta sistema moderna ta’ stennija fil-kju li ttejjeb il-mod ta’ kif il-klijenti jinqdew wara xulxin skont is-servizz li jkollhom bżonn.
Fost bidliet oħra ppjanati, hemm ħinijiet tal-ftuħ ġodda li se jiġu ppruvati bħala pilota minn selezzjoni ta’ fergħat, abbażi tal-preferenza tal-klijenti. Il-ħinijiet il-ġodda se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn 4 ta’ Novembru mill-fergħat tal-Gżira, Tal-Ibraġ, l-Imsida, San Ġwann, Tas-Sliema, il-Belt Valletta u Għawdex.
Wara perjodu ta’ bejn wieħed u ieħor sitt ġimgħat, il-Bank se jsegwi l-andament ta’ dawn il-bidliet billi jieħu r-rispons tal-klijenti u janalizza l-volum ta’ tranżazzjonijiet li jkunu ġew imwettqa, bil-mira tkun li jekk jirnexxu, jidħlu fis-seħħ b’mod permanenti mill-fergħat kollha fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Servizz Reġjonali
Bi 32 fergħa madwar Malta u Għawdex, il-BOV jibqa’ l-iktar Bank preżenti fiżikament fost il-komunità Maltija. Sabiex jiġi offrut servizz iżjed personalizzat, il-fergħat ġew maqsuma f’żewġ kategoriji (fergħa ewlenija u fergħa satellitari) filwaqt li l-lokalitajiet li fihom hemm fergħa tal-BOV f’Malta ġew inkorporati f’erba’ reġjuni: in-naħa ta’ fuq, in-naħa ta’ isfel, in-naħa ċentrali fil-Punent u n-naħa ċentrali fil-Lvant ta’ Malta.
Għawdex huwa meqjus distrett reġjonali separat. F’kull reġjun hemm fergħa ewlenija li minnha se jibqa’ jiġi offrut is-servizz kollu. Il-fergħat ewlenin se jibqgħu miftuħin ukoll għal ħinijiet itwal kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis waqt li jibqgħu jiftħu s-Sibtijiet. Fergħat satellitari se joffru servizzi speċifiċi u jiftħu bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. Il-lista kollha tal-fergħat u l-ħinijiet tal-ftuħ huma disponibbli minn https://www.bov.com/find-us.
Servizz ta’ Kaxxier
Il-Bank se jżomm is-Servizz ta’ Prijorità għall-Anzjani li jkollhom bżonn jinqdew mingħand il-kaxxier li kien tnieda f’Ġunju 2022. Dan is-servizz huwa parti mill-istrateġija tal-Bank li jkompli jtejjeb l-esperjenza tal-klijent fil-fergħat tiegħu. Is-servizz ta’ prijorità issa se jiġi offrut nhar ta’ Ġimgħa u Sibt bejn it-8:15 u d-9:30 ta’ filgħodu mill-fergħat ewlenin u nhar ta’ Ġimgħa fl-istess ħin mill-fergħat satellitari. Is-servizz ta’ kaxxier mill-fergħat kollha jibqa’ jiġi offrut mill-fergħat kollha sal-11:00 ta’ filgħodu.
Rispons mill-Klijenti
Dawn il-bidliet qed jidħlu fis-seħħ wara li kienu l-klijenti stess urew ix-xewqa lill-Bank li joffri ġranet apposta fejn il-fergħat jibqgħu miftuħin. Bidliet oħra jirriflettu x-xejriet ta’ tranżazzjonijiet fiżiċi effettwati fil-fergħat li matul l-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena raw tnaqqis medju ta’ madwar 7,000 tranżazzjoni fix-xahar. Dan jirrifletti tnaqqis ta’ madwar 25.6% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Għall-kuntrarju, il-qalba diġitali ssarrfet f’żieda ta’ madwar 130,000 tranżazzjoni diġitali fix-xahar bejn Jannar u Awwissu 2024 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023. Dawn iċ-ċifri u l-analiżi marbuta magħhom huma parti mill-isforzi tal-Bank li jkompli jilħaq il-preferenzi tal-klijenti tiegħu, u jsib bilanċ ekwu u ġust bejn l-offerta ta’ soluzzjonijiet diġitali u servizz personalizzat offrut wiċċ imb wiċċ li xi klijenti jħossu l-ħtieġa tiegħu anke fi żminijiet tal-lum.
//= $special ?>