Lokali Parlament

Il-gvern mhux iebes mat-traffikanti tad-droga


Claudette Buttigieg, PN


Ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg appellat fil-Parlament biex il-gvern jifhem is-sitwazzjoni problematika ta’ pajjiż mifqugħ bid-droga u jilleġiżla b’mod qawwi u iebes mat-traffikanti tad-droga għaliex bil-liġijiet li qed iressaq, mhux ikun iebes magħhom.

Claudette Buttigieg qalet li ż-żgħażagħ Maltin illum qed jgħixu f’pajjiż mifqugħ bid-droga li daħlet kullimkien, anki f’attivitajiet soċjali familjari u fil-festi. Fis-soċjetà daħlet il-mentalità li biex persuna tieħu gost u tiddeverti trid bilfors tagħmel użu mid-droga. Dan hu fatt magħruf u dwaru m’hemmx kontroversja.

Id-deputat Nazzjonalsta qalet ċ-ċifri juru żieda fl-ammont ta’ persuni li qed ifittxu l-għajnuna tal-Caritas. Fl-2004 kien hemm 519-il persuna li fittxew l-għajnuna tal-Caritas; fl-2014 kien hemm 615; fl-2015 kien hemm 671; fl-2016 kien hemm 647; fl-2017 kien hemm 658; fl-2018 kien hemm 737; u fl-2023 kien hemm 882 persuna.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li dawn iċ-ċifri juru li l-persuni li qed imorru għand il-Caritas ifittxu għajnuna żdiedu b’mod qawwi. Jirriżulta li filwaqt li 58% ta’ dawk li fl-2012 fittxew l-għajnuna kienu dwar eroina, illum 65% marru għand il-Caritas minħabba kokaina u 21% marru dwar kannabis. Hi qalet li l-liġi tispeċifika ammont ta’ droga li tkun ikkunsmata iżda ma tgħidx li persuna tista’ tpejjep kemm trid u quddiem it-tfal; għalhekk dan hu ksur tal-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li r-riħa ta’ ħaxixa tinxtamm kullimkien fit-toroq u sostniet li anki nies fit-turiżmu qed ikunu ffaċċjati minn barranin li jippretendu li jiġu Malta u jpejpu l-ħaxixa kull fejn iridu; għax dan hu l-messaġġ li qed jasal hemm barra anki jekk il-liġi ma tgħidx hekk.

Il-Parlament qed jgħaddi liġijiet li ma jkunux inforzati, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li l-gvern ried ibiddel u jżid l-ammonti ta’ pussess iżda sab oġġezzjoni minn dawk li jaħdmu fis-settur. Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar liema qorti se jidhru quddiemha l-akkużati u spjegat li dawk li jinqabdu b’ammonti kbar ta’ droga, fosthom b’500 pillola extacy, ma jkunx vittmi iżda traffikanti.

Hi semmiet każ ta’ żewġt irġiel Taljani li nqabdu b’erba kilogrammi kokaina li kienet iġġib valur ta’ €500,000 fis-suq. Dan ifisser li l-gvern irid li jagħti pieni iżgħar li traffikanti li jinqabdu b’ammont ta’ droga li fis-suq iġġib il-valur ta’ b’€25,000.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern irid li dawn it-traffikanti ma jeħlux għomorhom il-ħabs u bl-emendi li qed iressaq, qed jinkoraġixxi iktar traffikanti ta’ ammonti iżgħar, li xorta huma traffikanti. Dan mhuwiex gvern li jrid iħarrax il-ġlieda kontra t-traffikanti iżda jrid biss il-laxkezza.

Hi qalet li fid-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei hemm sitwazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ persuni li jidħlu għal kura immedjata li jkunu taħt l-effett tad-droga. Din is-sitwazzjoni wasslet biex illum fl-Emerġenza, minħabba n-numru kbir ta’ każi tad-droga, hemm psikjatra full-time.

Claudette Buttigieg sellmet il-ħidma kbira li jwettqu San Blas u l-Oasi, u qalet li l-gvern jinsab maqtugħ mir-realtà dwar is-sitwazzjni tad-droga fl-pajjiż fejn l-akbar problema li qed isibu l-vittmi hi proprju meta joħorġu mill-programm għaliex kullimkien mifqugħ bid-droga. Fil-pajjiż hawn mewġa ta’ liġijiet mhux inforzati, sostniet Claudette Buttigieg, li appellat għal-liġi iktar iebsa mat-traffikanti. B’din il-liġi l-gvern qed iħeġġeġ lill-vittmi biex isiru traffikanti żgħar; imma traffikanti jibqgħu.

Problema oħra hi li hawn drogi li ħadd ma jaf x’inhuma, x’inhu l-effetti tagħhom u x’jagħmlu lill-persuna. Jeħtieġ li tinkiseb informazzjoni dwar din id-droga, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li anki droga li hi magħrufa ma’ nies li jużawha qed tkun ikkunsidrata bħala waħda li l-effett hu differenti.
Jeħtieġ li l-gvern jammetti li hawn problema kbira ta’ droga għaliex il-gvern mhux jammetti. Il-liġi li mhix inforzata mhijiex liġi; id-droga llum saret l-aljenazzjoni u l-ħarba tal-ħafna, sostniet Claudette Buttigieg.