Lokali

Il-Labour għandu jħallas minn butu l-€1,300,000 f’kumpens għall-abbużi li wettaq, mhux it-taxpayer – PN

Il-ħaddiem Malti m'għandux jiġi mġiegħel iħallas id-danni ordnati mill-Qorti għall-abbużi tal-Partit Laburista mit-taxxi tiegħu

M’għandux ikun il-ħaddiem Malti li jħallas minn butu għall-abbużi tal-Partit Laburista.

Fid-dawl ta’ sentenza li ngħatat illum mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) fil-każ dwar il-Każin tal-Partit Laburista f’Ħal Lija, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-kumpens ta’ aktar minn €150,000 ordnat mill-Qorti għandu jitħallas mill-Partit Laburista u mhux mit-taxpayer Malti.,

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li dan huwa t-tielet każ li fih il-Qorti ordnat li jitħallas kumpens dwar abbużi mill-Partit Laburista bi proprjetà privata u bi ksur tad-drittijiet fundamentali tas-sidien tagħhom.

F’Ottubru 2022 il-Qorti kienet ordnat il-ħlas ta’ kważi €1,000,000 fil-każ dwar il-Każin tal-Partit Laburista f’Birżebbuġa. Imbagħad f’Diċembru 2022, l-istess Qorti ordnat lill-Gvern iħallas aktar minn €160,000 lil sidien ta’ proprjetà li l-Partit Laburista kien ħa mingħand sidien privati biex jużaha bħala każin politiku tiegħu f’Santa Venera.

Għalhekk f’sena waħda biss il-Qorti ordnat lill-Gvern iħallas aktar minn €1,300,000 f’kumpens għall-abbużi mwettqa mill-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela jerfa’ r-responsabbiltà għall-abbużi li wettaq u jiddikjara li se jkun qed iħallas kwalunkwe kumpens ordnat mill-Qorti minn butu u mhux jisraq dawn il-flus mill-but tal-Maltin u l-Għawdxin.

Karol Aquilina qal li kull Malti li jaħdem u jħallas it-taxxi għandu dritt li jara li t-taxxi mħallsa minnu jintużaw b’mod responsabbli u mhux biex jagħmlu tajjeb għall-abbużi li wettaq għal għexieren ta’ snin il-Labour.

Jekk il-kumpens ta’ aktar minn €1,300,000 jitħallas mill-Gvern, tkun qed issir inġustizzja oħra, din id-darba mat-taxpayer Malti u Għawdxi.

Jekk il-Gvern iħallas il-kumpens minn butna, dan ikun finanzjament illegali lill-Partit Laburista.