Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri ma assumiex responsabbiltà dwar każi ta’ raids mill-Pulizija li saru fi djar żbaljati u li fihom il-Pulizija anki daħlu fi djar tan-nies li ma kinux investigati u fi djar vojta ta’ anzjani.
Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott staqsa fil-Parlament dwar ir-raids li qed isiru mill-Pulizija fejn kien hemm żewġ rapporti ta’ raids fil-Marsa, liema raids saru fi proprjetà żbaljata. Fost dawn kien hemm raid li fih il-Pulizija daħlu bil-forza f’dar ta’ anzjan ta’ 95 sena li ma kienx jgħix hemm.
Każ ieħor ta’ raid fi proprjetà żbaljata sar ukoll fil-Marsa fejn il-Pulizija daħlu f’dar ta’ persuna li ma kinitx dik li kienet qed tfittex il-Pulizija. Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet, jidher biċ-ċar li la l-Ministru tal-Intern u lanqas il-Kummissarju tal-Pulizija ma ħassew li kellhom jassumu responsabbiltà jew li l-persuni vittmi ta’ dawn ir-raids żbaljati jingħataw kumpens għad-danni li sofrew.
Il-Ministru Byron Camilleri wieġeb li bħala Ministru tal-Intern ma jidħolx f’każi partikolari għaliex hemm policies dwar kif għandhom jaħdmu l-Pulizija u li anki jitrattaw każi ta’ persuni li jħossuhom inġurjati minn azzjonijiet li saru fil-konfront tagħhom biex b’hekk jittieħdu passi.
Hu sostna li jistgħu anki jsiru rapporti lill-Professional Standards biex ikun stabbilit jekk sarux żbalji mill-Pulizija. Ma jistax jingħad li ma sarux żbalji, sostna l-Ministru Camilleri, li nsista li hemm mekkaniżmi interni dwar dawn iċ-ċirkostanzi. Twaqqaf ukoll il-Victim’s Support li jista’ jassisti u jkun żball li jingħad li f’dawn iż-żewġ każi ħadd ma ġie mitkellem, sostna l-Ministru Camilleri, li qal li f’każ minnhom kien hemm anki investigazzjoni.
Il-Ministru tal-Intern qal li l-Pulizija jridu jagħmlu l-investigazzjonijiet fl-aħjar abbilitajiet tagħhom iżda mhux f’kull investigazzjoni jkun hemm riżultati pożittivi għalkemm il-Pulizija dejjem trid taġixxi b’responsabbiltà.
//= $special ?>