Lokali

Il-President tal-Partit Laburista jibqa’ jiddefendi l-mudell ekonomiku

Meta mistoqsi għaliex is-sena extra tal-NI ma ġietx diskussa mal-unions u l-imsieħba soċjali, Alex Sciberras qal biss li hu ma jistax jitkellem

Skont il-President tal-Partit Laburista, il-mudell ekonomiku li adotta l-Gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela huwa mudell li ta sostenn lill-familji.

Alex Sciberras għamel din id-dikjarazzjoni f’diskussjoni waqt il-programm NETLIVE fuq Net TV, li kien qed jiddiskuti l-Budget li ġie ppreżentat mill-Ministru tal-Finanzi nhar it-Tnejn li għadda.

F’diskussjoni mal-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut, ma setax jonqos li tqum il-kwistjoni dwar il-pensjonijiet u s-sena addizzjonali li żied il-Gvern fuq kull ħaddiem li jikkontribwixxi għall-NI. Bil-President tal-Labour jinsisti li din iddaħlet fil-Budget minħabba li – fi kliemu – inħolqot realtà.

Iżda meta mistoqsi għaliex din il-miżura ma ġietx diskussa mal-unions u l-imsieħba soċjali, Alex Sciberras qal biss li hu ma jistax jitkellem.

Fl-istess dibattitu, Mark Anthony Sammut semma’ li r-reviżjoni fit-tax bands kienet pożittiva. Iżda ż-żgħażagħ, il-familji u ħafna koppji xorta għadhom qed jaffaċċjaw sfidi kbar. Bil-President tal-Kunsill Ġenerali jisħaq li l-Budget ma indirizzax l-isfidi vera li qed jaffaċċjaw in-nies.

Intant, waqt l-istess dibattitu, il-President tal-Partit Laburista ftaħar bl-investiment barrani, iżda ma weġibx f’liema oqsma qed jinġieb dan is-suppost investiment. Tant li lanqas irnexxielu jsemmi settur wieħed.