Il-ħtieġa imminenti li pajjiżna jibdel id-direzzjoni qed tinħass minn ħafna, mhux inqas min-negozji żgħar u medji.
Stħarriġ li ppubblikat il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji jikkonferma dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni, li pajjiżna jeħtieġ li jbiddel ir-rotta u l-mudell ekonomiku li qed iħaddan.
Din l-istqarrija saret mix-Shadow Minister għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi Robert Cutajar.
80% ta’ dawk intervistati f’dan l-istħarriġ tal-Malta Chamber of SMEs u l-MISCO sostnew li pajjiżna miexi f’direzzjoni żbaljata. 57% esprimew inċertezza dwar kemm hu żmien tajjeb li jinvestu fit-tnax-il xahar li ġejjin u 30% wieġbu li żgur mhux se jinvestu.
L-istess stħarriġ juri kif kompliet tiżdied l-inċertezza fost is-sidien tan-negożji f’pajjiżna, u dawk li wieġbu elenkaw in-nuqqas ta’ governanza tajba, it-traffiku bla rażan, iż-żieda fil-popolazzjoni, il-korruzzjoni u l-kompetizzjoni inġusta bħala l-aktar elementi li qed iħallu impatt negattiv u li jfixkilhom fl-operat u l-ħidma tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern li, lil hinn mill-kliem fieragħ li smajna fid-diskors tal-budget imressaq jumejn ilu, jaġixxi immedjatament u jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jistgħu jagħtu serħan il-moħħ lis-sidien tan-negozji f’Malta u Għawdex għax dawn huma l-mutur li jsaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.
//= $special ?>