Lokali

Ir-riċetta taż-żieda fil-popolazzjoni “ħadmet perfettament” – Ministru Clyde Caruana

Ir-riċetta tal-mudell ekonomiku mmexxi s’issa mill-Gvern tal-Labour, ċioè l-kwantità fuq il-kwalità, li wasslet biex il-popolazzjoni żdiedet b’rata drastika…. ħadmet perfettament.

Dan saħqu l-Ministru Clyde Caruana meta mistoqsi minn Net News fuq l-akbar tħassib tal-poplu bħalissa – iż-żieda fil-popolazzjoni li waslet biex l-infrastruttura ta’ pajjiżna kkollassat għal kollox kemm fi traffiku kif ukoll drenaġġ, dawl u saħħa.

Ftit tas-snin ilu Clyde Caruana kien imexxi l-Aġenzija Jobs Plus u kien minn ta’ quddiem taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat jisħaq dwar il-bżonn li jinġiebu eluf ta’ barranin barra mill-Ewropa.

Għaldaqstant, Net News staqsieh kif ma bassarx hu stess flimkien mal-Gvern Laburista l-impatt li kien se jħalli fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, bl-imsieħba soċjali jisħqu li b’din ir-rata aktar se jkollna sidien tan-negozji żgħar barranin milli Maltin.

Staqsejnieh kif l-infrastruttura ma baqgetx tiżviluppa flimkien maż-żieda qawwija ta’ nies fil-pajjiż – bil-Minsitru jisħaq li hemm bżonn li tinbidel ir-riċetta, iżda saħaq li hija waħda li ħadmet perfettament.

Intant wara d-diskors tal-budget tat-Tnejn filgħaxija l-imsieħba soċjali saħqu li jinsabu ddispjaċuti li ma ġewx ikkonsultati fuq iż-żieda ta’ sena kontribuzzjoni tal-bolla minn 41 għal 42 sena u l-informazzjoni qed jirċevuha proprju mill-midja u mhux mill-Gvern.

Net News staqsa din il-mossa lil min se tolqot, bil-Ministru jibqa’ jinsisti li ħadd ma hu se jiżdiedlu sena xogħol… apparti dawk li ma jkollhomx proprju 42 sena ta’ bolla mħallsa.

L-unika ħaġa ċerta hi li kull ħaddiem f’Malta u Għawdex se jkollu jħallas sena oħra ta’ bolla.