Lokali Parlament

Jeħtieġ politika ta’ prevenzjoni; il-gvern se jaġevola lit-traffikanti


Albert Buttigieg, PN


Ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttigieg qal fil-Parlament li għandu jkun hemm politika ta’ prevenzjoni biex ma jkunx hemm persuni li jgħaddu minn kalvarju.

Albert Buttigieg qal li d-dipendenza tal-persuni fuq id-droga ma taffettwax biss lill-persuni iżda lis-soċjetà kollha. Minkejja dan, qed joħroġ ċar li l-Gvern Laburista għandu personalitajiet differenti dwar id-dorga għax meta fl-Oppożizzjoni kien jipprotesta kontra d-droga iżda issa, mill-gvern, qed jaġixxi b’personalità doppja.

Dan qed iwassal għal nuqqas ta’ konsistenza u kredibbiltà, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-gvern jiftaħar bl-Aġenzja Sedqa, miftuħa minn Gvern Nazzjonalista, u bl-appoġġ li jagħti lill-NGOs iżda fl-istess waqt il-gvern qed imur f’direzzjoni oħra b’emendi li jinnormalizzaw l-abbuż tad-droga.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li fil-pajjiż dieħla kultura li fiha ż-żgħażagħ iħarsu lejn id-droga bħala xi ħaġa normali u mhux abbuż. Hu sostna li l-Gvern Laburista daħħal mentalità li kolox jgħodd u kollox jgħaddi meta jkun hemm il-flus deħlin, kif inhu l-każ tad-droga.

Albert Buttigieg kompla li jeħtieġ ikun hemm insistenza fuq il-prevenzjoni għaliex din hi aħajr mill-kura. L-abbuż tad-droga m’għandux isir iktar faċli u inkoraġġit għaliex dawn il-persuni jispiċċaw jgħaddu minn kalvarju.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern wessa’ t-tresholds tal-użu tad-droga dwar quddiem liema qorti jmorru dawk li jużaw id-droga. Il-gvern qed iwassal messaġġ perikoluż, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li hemm traffikanti li jaqilgħu l-eluf ta’ ewros minn fuq il-vittmi. L-emendi li qed iressaq il-gvern se jaġevolaw lit-traffikanti tad-droga għaliex jistgħu jidhru bħala vittmi meta mhumiex.

Albert Buttigieg qal li hemm differenza bejn min juża d-droga f’element soċjali u min jabbuża u jispiċċa jiddependi fuqha. Kull min jiddependi fuq is-sustanzi kien xi darba juża d-droga għal skop soċjali. Jeħtieġ messaġġ ċar li l-abbuż tad-droga ma jkunx aċċettabbli filwaqt li ma jkunx hemm il-kriminalizzazzjoni.

Albert Buttigieg qal enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u tal-infurzar li dawn iridu jitwettqu flimkien. L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta ta’ kollox, sostna d-deputat Nazzjonalista, li staqsa kemm is-sistema edukattiva qed tipprepara u tifforma liċ-ċittadini tal-lum u tal-futur. Dwar l-infurzar, hu qal li din hi l-ikbar problema li għandu dan il-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-kannabis u qal li din hi l-ikbar droga kkunsmata. Minkejja l-liġijiet ta’ regolamentazzjoni li għaddew, il-fatti huma li l-kannabis tinxtamm fit-toroq. Possibbli li l-awtoritajiet mhumiex konxji minn dawn is-sitwazzjoni fejn persuni lanqas jistgħu joħorġu fil-gallarijiet minħabba r-riħa ta’ kannabis.

Jirriżulta li bejn Mejju u Settembru 2024, inqabad każ wieħed biss ta’ abbuż ta’ kannabis f’San Ġiljan, Paceville u Tas-Sliema. Dan juri n-nuqqas ta’ infurzar, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li maż-żgħażagħ u t-tfal irid ikun hemm messaġġi ċari. Għalhekk il-PL ma jistax jibqa’ b’personalità doppja, kkonkluda d-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg.