Impenn għas-Saħħa Lokali

Jinġabru €11,400 għal Puttinu Cares waqt il-Classic Motor Show

Il-Puttinu Classic Motor Show, li sar il-Ħadd li għadda fil-faċilitajiet ta’ Burmarrad Group fil-Marsa, wera li kien suċċess kbir li attira mijiet ta’ dilettanti u partitarji tal-karozzi klassiċi. Waqt l-avveniment inġabru €11,400 f’donazzjonijiet, li kollha se jmorru direttament lil Puttinu Cares, organizzazzjoni li tappoġġja individwi u familji li bħalissa qed jiffaċċjaw trattament tal-kanċer u sfidi serji oħra tas-saħħa.

L-ispettaklu kien fih firxa wiesgħa ta’ vetturi klassiċi, vintage u moderni, li ġibdu folol kbar li ngħaqdu flimkien mhux biss biex japprezzaw il-karozzi u trakkijiet esebiti iżda wkoll biex jikkontribwixxu għal kawża ġusta. L-atmosfera kienet mimlija ferħ ġenwin, u dawk li attendew kellhom l-opportunità li jersqu mill-qrib lejn xi karozzi rari u restawrati b’mod mill-isbaħ.

“Aħna grati mill-ġenerożità ta’ kull min attenda u appoġġja l-Puttinu Classic Motor Show. L-ammont inkredibbli ta’ donazzjoni ta’ €11,400 jgħid ħafna dwar l-impenn tal-komunità li tgħin lil dawk fil-bżonn,” qal Mario Gauci Jnr., Direttur ta’ Burmarrad Group.

“Nirringrazzja mill-qalb lil dawk kollha li attendew, il-membri, l-isponsors u t-tim u l-voluntiera tagħna ta’ Burmarrad Group tant ħabrieki li żguraw li kollox jimxi bla xkiel, mis-‘setup’ sal-‘crowd management’. L-impenn tagħhom biex joħolqu esperjenza sigura u pjaċevoli għal dawk li attendew għamel l-avveniment kemm memorabbli kif ukoll ta’ impatt.”

Il-fondi miġbura se jibbenefikaw direttament lil Puttinu Cares, li tgħin fl-akkomodazzjoni, l-ispejjeż tal-kura, u l-appoġġ għall-familji li qed jiġġieldu l-mard. Burmarrad Group huwa kburi li kien parti minn dan l-avveniment u jistenna bil-ħerqa li jkompli jappoġġja lil Puttinu Cares u inizjattivi oħra ta’ karità fil-futur.