BirdLife Malta (BLM) ġabret ċikonja sewda bi ġrieħi serji f’saqajha minn ħdejn ġibjun qrib ir-residenza uffiċjali tas-sajf tal-Prim Ministru fil-Girgenti, it-Tlieta filgħodu, wara li sfat fil-mira ta’ kaċċa illegali minn kaċċaturi fl-inħawi.
Kaċċaturi sparaw illegalment fuq dan l-għasfur, li kien parti minn qatgħa żgħira li l-ewwel dehret fuq Għawdex. Sfortunatament, ċikonja sewda oħra ġiet irrappurtata maqtula f’Ta’ Ċenċ, Għawdex. Iċ-ċikonja sewda (Ciconia nigra), hija viżitatur rari f’Malta. Hija speċi protetta bil-liġi Maltija u li ngħatat l-ogħla protezzjoni taħt l-Anness 1 tad-Direttiva talGħasafar tal-UE u l-Anness A tar-Regolamenti Ewropej dwar il-Kummerċ tal-Ħajja Selvaġġa.
“Il-kaċċa illegali fuq dawn l-ispeċi tkompli għaliex hawn domanda għolja għalihom riżultat ta’ żewġ amnestiji fuq il-kollezzjonijiet tal-għasafar ibbalzmati li ngħataw fil-passat u li sal-lum baqgħu ma ġewx ivverifikati kollha,” qal il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BLM, Nick Barbara.
Fl-1997, il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien, kien ta l-ewwel amnestija u l-kaċċaturi kienu ddikjaraw li għandhom qrib il-240,000 għasfur ibbalzmat. Fl-2003, il-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, kien ħareġ amnestija oħra u l-kaċċaturi kienu ddikjaraw li għandhom 282,000 għasfur ibbalzmat ieħor. Total
ta’ aktar minn nofs miljun għasfur ibbalzmat.
Kien beda proċess ta’ verifika mill-awtoritajiet Maltin iżda ma tkompliex. Għalhekk qatt ma ġie vverifikat jekk il-kaċċaturi għandhomx tassew l-għasafar ibbalzmati li ddikjaraw li għandhom f’dawn iż-żewġ listi ta’ amnestiji.
Riżultat t’hekk, kien hemm kaċċaturi li qalu li għandhom ċerti speċi ta’ għasafar fil-kollezzjoni tagħhom, li fil-verità ma jkollhomx. Għaldaqstant, din saret lista ta’ għasafar mixtieqa, bil-ħsieb kien li jakkwistaw dawn l-għasafar qabel mal-lista tagħhom tiġi vverifika. Dan ta lok biex il-kaċċa illegali għall-għasafar protetti tibqa’ għaddejja.
Il-Pulizija responsabbli mill-protezzjoni tal-ambjent huma bil-bosta inqas mill-10,000 kaċċatur u għandhom sfidi kbar biex joperaw f’Għawdex. Barra minn hekk, entitajiet bħal Wild Birds Regulation Unit (WBRU) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhom riżorsi limitati ferm biex jivverifikaw u
jagħmlu monitoraġġ effettiv fuq il-kollezzjonijiet tal-għasafar ibbalzmati.
“L-appelli tagħna lill-Prim Ministru Robert Abela biex jieħu bis-serjetà l-qtil illegali tal-għasafar, qatt ma ngħataw l-importanza mistħoqqa. Din hija għażla ċara ta’ Abela u l-kabinett tiegħu. Il-Kabinett huwa insensittiv għal dawn l-inċidenti u ma jimpurtahx mill-bqija taċ-ċittadini Maltin li qed jiġu mċaħħda milli jgawdu s-sbuħija tan-natura, għaliex il-kaċċaturi jhedduhom bil-vot.
Is-silenzju tal-gvern fuq il-qtil illegali kontinwu tal-għasafar huwa tal-mistħija. Din is-sitwazzjoni tirrifletti ħażin fuq il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna,” iddikjara l-Kap Eżekuttiv ta’ BordLife Malta Mark Sultana.
//= $special ?>